Lokali Qorti

Titlob biex il-kawża dwar tkeċċija inġusta tkompli wara li spiċċat ‘sine die’

Impjegata qed titlob lill-Qorti biex proċeduri quddiem it-Tribunal Industrijali fuq tkeċċija minn fuq il-post tax-xogħol jitkomplew wara li mingħajr ebda raġuni valida, l-każ spiċċa ‘sine die’.

Giulia Gattucio ippreżentat protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra Richard Matrenza, Chairman tat-Tribunal Industrijali, l-Prim Ministru, l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, l-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u l-Avukat Ġenerali.

Gattuccio qalet fil-protest li kienet bdiet każ quddiem it-Tribunal Industrijali kontra l-impjegat tagħha Suda Entertainment Limited fuq bażi ta’ tkeċċija kostruttiva. Il-każ kien ġie appunatat quddiem iċ-Chairman Richard Matrenza li beda jisimgħu fl-1 ta’ Frar li għadda.

B’kollox inżammu tmien seduti u li sfortunatament fl-aħħar waħda fit-18 ta’ Ottubru li għadda, l-Avukat Malcolm Mifsud li qed jassisti lil Gattucio, ma kienx preżenti peress li kien imsiefer.

Minkejja li t-Tribunal Industrijali kien ġie nfurmat dwar dan mill-Avukat Charlene Gauci, komplew u fil-fatt instemgħet ix-xhieda ta’ Joseph Saliba, uffiċjal mill-jobsplus.

Dan ix-xhud kien ġie eżaminat kemm mill-Avukat Jean Carl Abela kif ukoll mit-Tribunal. Madankollu, l-kontro-eżami ta’ Ernesto Buonasola ma setgħax isir, hekk kif dan kellu kontro-eżaminat mill-Avukat Malcolm Mifsud li kien jinsab indispost.

L-Avukat Charlene Gauci infurmat lit-Tribunal Industrijali li ma setgħetx tagħmel il-kontro-eżami hi minħabba li ma kinitx segwit il-każ. Minkejja li l-partijiet kollha kienu preżenti għal din is-seduta, flimkien mal-avukati difensuri tagħhom, il-kawża spiċċat differità ‘sine die’.

Dan seħħ jgħid il-protest minkejja li Gattucio kellha nteress tkompli bil-provi tagħa u minkejja qbil bejn il-partijiet li l-kawża tkompli tinstema’ waqt seduta ulterjuri f’data mogħtija mill-istess Tribunal Industrijali.

Qalet li sar rikors quddiem l-istess Tribunal biex is-seduta tiġi appuntata iżda minkejja dan kollu jidher li t-Tribunal Insustrijali ma rrikonnoxiex dan ir-rikors. Ingħad ukoll li d-dewmien bla bżonn huma ta’ preġudizzju għall-impjegata.

Għaldaqstant qed jintalab sabiex il-kawża terġa’ tingħata data u tkompli tinstema’ għas-smiegħ tal-provi. Fin-nuqqas ta’ dan Gattuccio qed iżomm it-Tribunal responsabbli u lesta tieħu l-passi skont il-liġi. Il-protest ġie ffirmat mill-Avukati Malcolm Mifsud u Charlene Gauci.