Internazzjonali

Ukrajna-Russja: Jaqblu biex jimplimentaw waqfien mill-ġlied ‘komprensiv’

L-Ukrajna u r-Russja qablu biex jimplimentaw ‘waqfien mill-ġlied sħiħ u kumprensiv’ fit-territorji Ukreni tal-Lvant, sal-2019. Dan kien possibbli wara s-summit ta’ livell għoli, f’Pariġi, fejn il-President Russu Vladimir Putin u l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, kellhom laqgħa rari, wiċċ-imb-wiċċ.

Mietu talanqas 13,000 f’ħames snin u nofs ta’ ġlied, fir-reġjun ta’ Donbass, bejn il-qawwiet tal-Ukrajna u s-separatisti fir-reġjun li qed jingħataw l-għajnuna minn Moska. Intant, l-aħħar negozjati (fil-Palazz ta’ Elysee) lejn it-tmiem tal-konflitt kienu sponsorjati mill-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, u l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel.

Il-ftehim isegwi skambju ta’ priġunieri u l-irtirar tal-militar Ukren minn tliet zoni ewlenin fis-settur tal-ostilitajiet fil-Lvant tal-Ukrajna.

Ir-Russja u l-Ukrajna, fi stqarrija bil-miktub, qablu dwar il-ħelsien u skambji ‘ta’ kulmin spiċċa priġunier b’kaġun tal-konflitt’ sal-aħħar tas-sena. Il-pajjiżi huma wkoll impenjati biex ‘jirtiraw il-qawwiet rispettivi minn tliet reġjuni addizzjonali tal-Ukrajna’ sal-aħħar ta’ Marzu li ġej – u mingħajr huma ma speċifikaw ir-reġjuni inkwistjoni. Fi żmien erba’ xhur iridu jsiru aktar taħditiet li jevalwaw il-progress tas-ceasefire.

Il-President Putin  qal li t-taħditiet f’Pariġi kienu ‘pass importanti’ lejn tnaqqis fil-livell tal-konflitt fid-Donbass li hu kontrollat mir-ribelli favur ir-Russja. Putin anki sejjaħ għal bidla fil-Kostituzzjoni tal-Ukrajna biex ir-reġjun inkwistjoni jingħata status speċjali, filwaqt li insista dwar amnestija għal dawk li ħadu sehem fil-ħtif tat-territorju Ukren.

Dan meta r-Russja u l-Ukrajna għad għandhom diżgwid dwar issues li jinkludu l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet fiz-zoni tal-Ukrajna taħt il-kontroll tar-ribelli separatisti.

Il-President Zelensky, sadanittant, qal li l-Ukrajna mhix se tagħti konċessjonijiet territorjali bi skambju għall-paċi. Min-naħa tiegħu, il-President Macron qal li filwaqt li ma nstabitx ‘soluzzjoni mirakoluża’ għall-konflitt fl-Ukrajna, infetħu l-iżviluppi li għandhom jitqiesu bħala inkoraġġanti għall-futur.