Sport Sport Ieħor

Andrew Pisani jirbaħ il-finali ta’ Klassi A Modified fil-kampjonat Autocross

Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova segwit minn Jean Paul Grech fuq Peugeot 106 (Ritratt: Mario Micallef)

Il-Ħadd li għadda l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat it-tieni attività mill-Kampjonat Nazzjonali Pasta Poiatti tal-Autocross. B’kollox irreġistraw 20 karozza maqsuma fil-klassijiet Modified u Standard.

Fil-finali Modified ta’ Klassi A, Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova ħareġ rebbieħ. Hu rebaħ il-heats kollha tal-ġurnata u b’hekk sab postu mill-ewwel fil-finali. Hu ħareġ rebbieħ wara li rebaħ taqtigħa ma’ Jean Paul Grech fuq Peugeot 106. Grech kien fuq quddiem fl-aħħar dawra wara li għamel użu mill-Joker Lap sakemm inqabeż ftit qabel tmiem it-tiġrija. Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta spiċċa fit-tielet post segwit minn Kurt Aquilina fuq Opel Corsa. Karl Micallef fuq Opel Corsa kellu jirtira fit-tielet dawra minħabba ħsara mekkanika fir-rota ta’ quddiem.

Fil-finali ta’ Klassi B, Noel Vella fuq Ford Fiesta spiċċa rebbieħ segwit minn Justin Buttigieg fuq Opel Nova, Karl Curmi u Gilmour Cauchi t-tnejn fuq Opel Corsa. Dan wara li fil-finali, Nicolai Aquilina fuq Opel Corsa żviluppatlu ħsara u kellu jirtira meta kien fit-tieni post filwaqt li Ivan Birmingham fuq Suzuki Swift ukoll kellu jirtira minħabba ħsara mekkanika fil-magna.

Fil-finali Standard, Joseph Micallef fuq Opel Nova rebaħ it-tellieqa segwit minn Jerome Peplow fuq Kia Avella. Melvin Buttigieg fuq Citroen AX ma spiċċax it-tiġrija fil-finali.

L-attività li jmiss bil-karozzi se ssir il-Ħadd 22 ta’ Diċembru. Dakinhar se tkun l-aħħar attività tas-sena u fosthom se ssir l-24 edizzjoni tad-Demolition Derby. L-attività tibda fl-10.00am u fit-3.00pm tibda d-Demolition Derby li għaliha rreġistraw 46 karozza.

Il-jiem li ġejjin se jkunu impenjattiva għall-assoċjazzjoni. Għada jitkompla l-Kampjonat Nazzjonali Motocross bl-attività li tibda fl-10.00am issir fil-Kumpless tal-ASMK f’Ta’ Qali. Imbagħad il-Ħadd 15 ta’ Diċembru jitkompla l-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro bl-attività se tkun organizzata fil-Barriera tal-Fawwara u tibda fl-10.00am.

Aktar informazzjoni tinstab fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, b’email fuq info@asmk.org.mt jew b’kuntatt fuq 99425489.

Tags