Lokali

Arrestati wara sejba ta’ droga

Tissokta l-ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. Din il-ħidma waslet biex ilbieraħ filgħaxija ġew arrestati tliet irġiel ta’ nazzjonalita’ Indjana.

Huma twaqqfu mill-Pulizija waqt li kienu f’karozzi separati.

Tfittxija li saret f’vettura minnhom wasslet għas-sejba ta’ disa’ kili droga kannabis.It-tliet irġiel, li għandhom 30 sena, 33 sena u 35 sena rispettivament, kollha residenti Tas-Sliema, twaqqfu mill-Pulizija għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija fl-akwati ta’ San Ġwann t’Għuxa, f’Bormla.

Waqt tfittxija li saret fil-vettura li fiha kien hemm ir-raġel ta’ 35 sena, il-Pulizija sabet tmien boroz li fihom kien hemm disa’ kili droga.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech LL.D ġiet infurmata bis-sejba u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.

Ir-raġel ta’ 35 sena, mistenni jitressaq il-Qorti taħt arrest għada u jkun akkużat bil-pussess mhux għall-użu esklussiv tiegħu tad-droga kannabis.