Futbol Sport

Everton iridu lil Ancelotti iżda Arsenal interessati wkoll

L-aħħar aħbarijiet mill-kamp ta’ Goodison Park huma li l-Everton jinsabu nteressati fil-kowċ li għadu kemm tkeċċa minn ma’ Napoli Carlo Ancelotti. Mandankollu Everton mistennija jkollhom kompetizzjoni minn Arsenal li aħbar minn Londra qegħdin jgħidu li qed jivvalutaw is-sitwazzjoni ta’ bħalissa.

Ancelotti tkeċċa minkejja li Napoli kkwalifikaw għal ma’ l-aħħar sittax fiċ-Champions League u mistenni jilqa’ offerta li jerġa’ jirritorna l-Ingilterra fejn hemm għamel suċċess, l-aktar meta rebaħ il-kampjonat ma’ Chelsea fl-2010.

Everton għadhom qegħdin ukoll jistħarrġu kandidati oħra wara li keċċew lil Marco Silva. Minkejja li ‘caretaker manager’ Duncan Ferguson beda tajjeb b’rebħa fuq Chelsea – il-kowċ ta’ Shanghai SIPG, Vitor Pereira jinsab fil-lista ta’ Everton biex ikun il-Maniġer potenzjali.

Ferguson iggalvaniżża lil Everton kemm fil-grawnd kif ukoll barra u dan wara l-wirja eċċellenti li Everton taw fir-rebħa ta’ 3-1 fuq Chelsea f’Goodison Park nhar is-Sibt.

Is-sid ta’ Everton, Farhad Moshiri kien kuntent immens fuq l-impatt li ħalla Ferguson, iżda l-għan tiegħu huwa li mingħajr telf ta’ żmien jappunta Maniġer ġdid. Il-lista ta’ Maniġers potenzjali ma tispiċċa qatt fil-konfront ta’ dan it-tim minn Liverpool – fejn jidher li sar kuntatt ukoll mal-Maniġer imkeċċi ta’ Arsenal Unai Emery.

Emery ukoll jinsab ukoll fil-lista filwaqt li hemm min fil-Bord ta’ Everton li jrid lil Maniġer ta’ Bournemouth Eddie Howe, anke jekk huwa qal li jinsab kuntent maċ-Cherries – filwaqt li l-Ispanjol Marcelino, li bħalissa jinsab bla xogħol, qed jissemma wkoll wara li aktar kmieni dan l-istaġun huwa tkeċċa minn Valencia.

Hemm ukoll min irid lura lill-eks Maniġer David Moyes, li bla dubju għandu l-aħjar rekord bħala Maniġer f’dak li huma riżultati f’dawn l-aħħar 20 sena. Everton, magħrufa bħala ‘Toffees’ nhar il-Ħadd imisshom kontra Manchester United f’partita mill-kampjonat.