Internazzjonali

Il-vulkan ta’ New Zealand ikompli bl-attività siżmika

Il-vulkan ta’ White Island, fi New Zealand, qed juri żieda fl-attività siżmika, bis-sitwazzjoni tibqa’ wisq perikoluża għall-iskwadri tas-salvataġġ biex jirkupraw id-disa’ persuni li jaħsbu li mietu fl-iżbroff ta’ nhar it-Tnejn mill-vulkan u li, allegatament, ‘għadhom fid-diversi nħawi tal-gżira’.

Intant, dawn l-iskwadri qed jittamaw li jibdew it-tfittxija ‘għall-katavri’ minn ħin għall-ieħor. Dan meta, s’issa, hu kkonfermat li mietu sitta fl-iżbroff traġiku tat-Tnejn, bi 30 oħra li kienu fuq il-gżira dak il-ħin jinsabu taħt kura intensiva wara li sofrew ħruq gravi mill-ġmied tal-vulkan, magħruf ukoll bħala ‘Whakaari’.

Mifhum li 25 fost il-midruba jinsabu f’kundizzjoni kritika

L-iżbroff seħħ meta għexieren ta’ turisti kienu qed iduru f’White Island u meta uħud kienu viċin il-bokka tal-vulkan. Sadanittant, bħalissa għaddej il-proċess tal-identifikazzjoni, flimkien mal-awtopsji fuq il-vittmi tal-iżbroff.

Il-Maġistrat Ewlieni ta’ New Zealand, issa, iddikjara l-iżbroff tal-vulkan bħala ‘mass fatality incident’, bl-uffiċjali qed jaħdmu mal-ispeċjalisti dwar id-diżastri u l-esperti forensiċi biex il-vittmi jkunu identifikati mill-aktar fis u jintbagħtu lura lil qrabathom.