Lokali

L-ismijiet ta’ Keith Schembri u Kenneth Camilleri fir-‘recordings’ ta’ Melvin Theuma

Meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, l-Ispettur Keith Arnaud qal li mir-recordings li kellu fil-pussess tiegħu l-‘middleman’ Melvin Theuma, ssemmew l-ismijiet tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u ta’ Kenneth Camilleri, li sa ftit xhur ilu kien l-uffiċjal personali tas-sigurtà fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Sadanittant f’xhieda li ta Melvin Theuma, il-‘middleman’ fil-każ u l-persuna li ngħatat l-proklama biex jikxef kollox u fuqu ma jittieħdux passi kriminali qal li fil-ħin u l-mument li l-Partit Laburista kien qed jiċċelbra r-rebħa fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, ċempillu Yorgen Fenech, u qallu biex il-pjan biex tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jseħħ. Wara li qabel l-elezzjoni kien ġie sospiż dan il-pjan, dak inhar saret it-telefonata, li fiha Melvin qal li l-akkużat kien jinstema’ ferħan ħafna.

Dan ħareġ fil-Qorti fejn l-Ispettur Keith Arnaud kien l-ewwel xhud meta bdiet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, li qiegħed ikun akkużat li kien il-mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Sadanittant il-Prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li x-xhud kien se jissospendi x-xhieda tiegħu u qal li mistenni jkompli fis-seduta li jmiss. Dan il-punt qajjem oġġezzjoni kbira mill-Avukat Marion Camilleri, f’isem id-difiża fejn qalet li mhux sew li dan isir, aktar u aktar meta x-xhieda kienet waħda xotta.

L-Ispettur Arnaud wieġeb li huwa jixhed fuq il-fatti li jkollu quddiemu. Dan kollu qam meta d-difiża riedet tagħmel ilk-kontro-eżami lix-xhud għax hi kien mingħaliha li dan lesta mid-depożizzjoni tiegħu. L-Avukat Camilleri talbet ukoll biex ir-‘recording’ li semma’ Arnaud, ikunu wkoll fil-pusses tad-difiża, u li dawn kellhom jinstemgħu f’din is-seduta. Il-Qorti qalet li kienet sew tieħu norta dwar dan kollu.

Id-deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia qal li kien qed joġġezzjona li dawn jinstemgħu minħabba li l-kopji eżisteni huma nformali. Qal li l-kopji oriġinali se jiġu esebiti f’data oħra.

Il-Qorti kienet infurmata wkoll li kien se jixhed Melvin Theuma fil-każ u li kien mistennija tixhed persuna pajżana mill-aktar fis possibbli. Hawnhekk id-difiża wkoll oġġezzjonat fejn qalet li l-Prosekuzzjoni mhux qed timxi mal-proċedura korretta. Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha laqgħet it-talba biex l-Ispettur jieqaf mix-xhieda tiegħu filwaqt li ċaħdet it-talba biex jinstemgħu r-‘recordings’.

Dwar l-oġġezzjoni li jixhed Theuma, li ma taqbilx li huwa jixhed fuq ir-‘recordings’ il-Qorti qalet li huwa se jixhed fuq konverżazzjonijiet u mhux fuq ir-‘recordings’. Id-difiża baqgħet ma tridx iċedi dwar dan u tat diversi raġunijiet legali dwar dan.

Beda jixhed Melvin Theuma, li qed jirrepeti ħafna minn dak li xehed dwaru l-ġimgħa l-oħra, fuq kif sar jaf liz-ziju tal-akkużat, Ray Fenech u dwar kif beda jaħdem bis-saħħa ta’ Yorgen bħala xufier tat-taxi f’Portomaso u kif sar jaf lill-akkużat.

Theuma reġa’ semma kif sar il-kumplott tal-qtil ta’ Caruana Galizia u tenna li meta f’jum il-Ħadd ta’ meta l-Partit Laburista kien qed jiċċelebra r-rebħa elettorali fl-2017, Yorgen Fenech ċempillu qallu ‘hemmhekk mexxi’. Dak il-ħin qal ix-xhud, Yorgen instema’ bħala persuna ferħana.

Il-middleman qal li kien wara dan kollu li Fenech għaddielu €150,000 f’karti ta’ €50 f’envelope kannella u kien jgħidlu “dawn għall-avveniment ta’ Daphne’.

Theuma kien jgħodd il-flus u wara ltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio għand il-‘Busy Bee’, fejn kien tah €30,000 fejn kien qasamomlu fi tliet ħlasijiet ta’ €10,000 kull wieħed.

Theuma qal li ma kellu ebda nformazzjoni dwar il-qtil inniffsu u li hu kien juża’ l-messenger, WhatsApp u Signal biex jikkomunika mal-allegati qattiela. Qal li l-akkużat kien dejjem anzjuż biex tfittex tinqatel il-ġurnalista.

Qal li jiftakar lil Fenech jgħidlu li kienet se toħroġ informazzjoni fuqu, u dan kien jgħidu b’mod repetut u li dawn il-messaġġi huwa kien jgħaddihom lil Alfred Degiorgio, li kien jgħidlu li għandu bżonn il-ħin.

Theuma qal li darba mar fit-tinda tal-patata, fejn hemm iltaqa’ ma’ George Degiorgio u Vincent Muscat. Degiorgio kien qallu li kienu qed jippjanaw kollox, imma kien hemm xi kumplikazzjonijiet. Madankollu kien qallu wkoll, ‘mietu daqs dawn bullijiet, ma tmutx hi?

Theuma qal li jiftakar kif Fenech kien qallu biex iwissi lill-allegati qatiela li kienu fil-periklu minħabba li l-investigaturi kienu ntraċċaw il-messaġġi li ntużaw biex jisplodu l-bomba.

Fenech kien qallu wkoll il-Ħamis ta’ wara li nqatlet Daphne, biex iwissi lill-aħwa Degiorgio u Muscat, li kien se jsir ‘raid’ kbir relatat mal-qtil ta’ Daphne u li dan kellu jsir fil-5 ta’ Diċembru tal-2017.

Theuma qal ukoll fil-Qorti li huwsa għadda lil Alfred Degiorgio messaġġi bil-kodiċi li jindikaw li huma kellhom jiltaqgħu r-Ramla fiż-Żejtun, kif fil-fatt għamlu. Wara reġgħu ltaqgħu l-Hilton għal kafe. Hemmhekk huma nnutaw karozza mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali (CID) u kienu telqu minn hemm separatament. Huwa kienu reġgħu ltaqgħu fil-Ħamrun, fejn iddiskutew il-każ.

Theuma qal li wara li t-tliet irġiel kienu ġew arrestati, saħħtu bdiet tmur lura u meta jħossu ‘depressed’. Qal li kien iħallas lil ċertu ‘Lolly’ mill- Ħamrun €300 fil-ġimgħa biex jgħaddihom lit-tliet akkużati waqt li kienu l-ħabs.

Wara r-raba’ pagament, Theuma kien wera lil Fenech l-irċeviti li kienu jagħtuh mill-ħabs fuq il-flus li kien qed jgħaddi. F’qasir żmien it-€300 saru €200 minħabba li l-mara ta’ Vincent Muscat bdiet tagħmel ħafna mistoqsijiet fuq minn fejn kienu ġejjin €100 aktar fil-ġimgħa, u għalhekk qal Theuma, huwa ma baqax jagħti aktar flus lil Muscat.

Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Arnaud qal li l-Pulizija qed tanalizza tliet recordings fejn wieħed minn dawn sar Portomaso. Li hemm komuni bejniethom, dik li f’kull waħda minnhom Melvin kien iddisprat, inkwetat u ffissat li ried li l-aħwa Degiorgio b’xi mod jieħdu l-bail.

Ix-xhud qal li Melvin kien jinstema’ inkwetat għax l-aħwa Degiorgio skont hu kellhom ħafna kuntatti barra l-ħabs. Melvin kien qal lil Yorgen Fenech, ‘ara x’ħa tagħmel kellem lil Keith (Schembri)’ minħabba l-issue tal-bail. Yorgen Fenech kien qallu li kien se jkellmu biex jara x’kienet il-kwistjoni.

Ix-xhud qal li darba Fenech wissieh li Vincent Muscat, li kien qed jikkopera mal-Pulizija dak iż-żmien, kien semma’ lilu (Theuma) magħhom. Theuma qal li dwar dan huwa nforma lil Mario Degiorgio.

Semma’ wkoll meta kien tefa’ l-mobajl tiegħu wara xarba kbira alkoħolika u meta wara reġa’ xegħel il-mobajl huwa sab xi messaġġi mingħand Fenech, li qallu li Vincent Muscat kien qal lill-Pulizija li l-bomba kienet manifatturata għand tal-‘Maksar’, dejjem skont ma ngħad lilu fil-messaġġi.

Ix-xhud qal ukoll li messaġġ mibgħut mingħand Mario Degiorgio ħassbu aktar għax dan qallu li ħuh George xtaq li jgħidlu li messu “jibża minnha, mhux jibża minn min qiegħed barra.”

Theuma qal li kont lest li nagħtihom kollox u kull ma riedu. Huwa qal ukoll li Mario kien jitolbu aktar flus, €30,000, u wara €60,000 oħra għall-‘bail’. Minn naħa tiegħu Theuma kien jgħid lil Fenech dwar dan, li minn naħa tiegħu kien iħallas.

Ix-xhud jgħid bejnu u bejn ruħu dwar kemm se jdum iħallas Yorgen? “Kieku kelli ninqatel, Yorgen jistrieħ”. Theuma qal li l-fatt li issa stqarr kollox fuq dak kollu li qal neħħa t-toqol minn fuq spallejh.

Theuma qal ukoll li serjamnent kien qed jaħsibha jekk kienx se jikkommetti suwiċidju. Xehed li kien qed jikkunsidra jaqbeż minnb fuq il-bejt. Ma għamilx dan huwa qal għax ma riedx jagħmel favur lil Yorgen Fenech. Kieku għamilt hekk, kollox kien jindifen miegħi.

Theuma rrakkonta kif hu kien tkellem ma’ Alfred Degiorgio fuq it-telefon. Meta kien kellmu kien ma’ Mario Degiorgio. Tkellmu għal ftit u ftit taż-żmien wara Mario staqsieh għal €30,000 biex ikopri l-ispejjż legali.
Theuma qal li spiċċa jagħti anke l-ikel lill-aħwa Degiorgio, dan permezz ta’ Mario.

Il-Qorti staqsiet għaliex kien jagħmel hekk. Huwa wieġeb billi qal li huwa ħass li kieku l-allegati qattiela kienu se jitkellmu mal-Pulizija, huwa l-aktar li kellu x’jitlef, għax lilu biss kienu jafu, qal il-middleman.

Theuma qal li darba minnhom kien argumenta ma’ Fenech, u ftit taż-żmien wara huwa rċieva telefonata mingħand Johann Cremona, li mar d-dar għandu flimkien ma’ ‘Kenneth’ biex jitkellmu dwar Daphne. “X’qed jiġri?” staqsa Kenneth u hu wieġbu li kien qed jinsab fl-inkwiet minħabba li l-“Koħħu”, Vincent Muscat qed iparla fuq il-qtil ta’ Daphne.

Theuma qal fil-Qorti li huwa konvint li kien Keith Schembri li bagħat lil dawn it-tnejn. Theuma qal lil Kenneth li l-aħwa Degiorgio kienu qegħdin jippressaq biex jingħataw il-libertà proviżorja. Dak il-ħin Kenneth mar fil-ġemb u għamel telefonata.

Hawn il-Qorti waqqfet ix-xhieda għax rieded tkun taf kif hu kien jaf li Johann u Kenneth marru d-dar tiegħu biex jiddiskutu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia murder.

Dwar dan reġgħu qamu argumenti sħan bejn l-avukati, bil-Maġistrat Montebello twissi lid-difiża għall-kalmezza. Meta kollox reġa’ ġie għan-normal, Theuma spjega li Johann Cremona u Fenech kellhom in-negozju flimkien filwaqt li Kenneth jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. “Kont konvint li dawn intbagħtu jew minn Yorgen jew Keith,” huwa qal.

Theuma qal li huwa kien mar jagħmel testment fil-5 ta’ Diċembru, 2017 meta l-allegati qattiela kienu ġew arrestati. “Kont qed nibża’ li hekk kif il-qattiela jiġu arrestati, Fenech se jeliminani wkoll,” huwa qal.

Theuma qal li huwa kien beda jirrekkordja lil Fenech billi beda juża’ l-‘Airplay’ fuq il-mobajl tiegħu. Huwa kiteb ittra wkoll, fil-ġurnata li mar jagħmel tattoo”.
“Jien semmejt lil Schembri fl-ittra minħabba li kont qed nibża li Yorgen iqabbad lil Schembri biex jgħinu sabiex jitfani l-ħabs. Imma taħt ġurament ma nista’ qatt ngħid li Keith Schembri għaddieli xi flus jew qatt xi darba kellimni dwar il-qtil ta’ Daphne – kont qed nibża’ għax dawn kienu ħbieb kbar. Għalija, Yorgen Fenech kien il-mastermind”.

Lura għax-xhieda tal-Ispettur Arnaud fejn dan qal li ssemma Kenneth Camilleri, u li dan kien ta l-impressjoni lil Theuma, li b’xi mod li t-tliet allegati qattiela kienu se jingħataw il-libertà proviżorja fit-22 tax-xahar. L-ewwel Theuma qal li Schembri qallu li kienu se jingħataw il-‘bail’ imbagħad qal li Kenneth kien qallu.

Arnaud saħaq li ’recordings oħra Melvin mar Portomaso jitkellem ma’  Yorgen. Dan kif laqgħu tah x’jifhem li kien jaf li ġurnata qabel, Melvin irrekordja lil Yorgen. Qallu jiddispjaċini li rrekodjajtni u fl-istess ħin kien qed jirrekordja.

Ix-xhud qal li f’wieħed mir-‘recording’ issemma’ laptop ta’ Daphne Caruana Galizia. Hawn Yorgen Fenech jgħid li hi tal-misħija, li dan bagħtuh il-Ġermanja. Qal li hawn xi 4,000 ruħ li għandhom għaliha (Daphne). Issemma’ wkoll li hemm anke mill-partit l-ieħor kellhom għaliha.

Arnaud sostna li Melvin baqa’ jinnegozja ma’ Yorgen biss u l-flus kien għaddiehom lil Degiorgio. Daqqa’ €30,000 għall-avukat, imbagħad għall-libertà proviżorja jew ikel. Dan dejjem mar għand Yorgen. Il-flus kien qiegħed jgħaddihom f’medja ta’ €2,000 fil-ġimgħa, u kollha lil Mario Degiorgio.

Dwar l-issue tal-‘bail’ ġie mitkellem Kenneth Camilleri fejn qal li Melvin kien mar fuqu biex jitolbu jgħinu minħabba l-bail u talbu jkellem lil Keith Schembri. Kenneth jgħid li biex jeħles minnu kien qallu iva. Meta il-Pulizija kellmet lil Melvin, dan baqa’ jinsisti li Kenneth kien mar għandu.

Fix-xhieda twila tiegħu l-Ispetttur Keith Arnaud xehed ukoll dwar l-allegat mandat, Yorgen Fenech, u dan peress li wara kollox din il-kumpilazzjoni qed issir fil-konfront tiegħu.

Qal li Yorgen kien ġie arrestat fuq id-dgħajsa fejn saru wkoll tfittxijiet oħra mill-Pulzija għand l-akkużat fejn hawn sabu karta ffirmata minnn Melvin Theuma. Fuq din il-karta ġie mitkellem Melvin biex jispjega għalfejn Keith Schembri u Yorgen kienu mniżżla fil-karta.

Melvin qallu li kien iffissa li Yorgen Fenech kien se jeħles minnu b’xi mod. Kien inkwetat ħafna għal ħajtu. Tenna li żeffen lil Keith Schembri għax beda jissuspetta li se juża’ lil Keith u l-awtoritajiet biex jekk mhux għax joqtluh b’xi mod kienu se jitfgħuh il-ħabs. Beda jibża’ li b’xi mod jaħdmu flimkien biex jeħilsu minnu.

Din il-karta kien taha lil Yorgen Fenech biex jurih li jekk se jiġrilu xi ħaġa huwa kellu recordings xorta. “Abbażi ta’ dak li qalilna Yorgen dwar l-ittra u staqsejnih fuq ir-recodings u rwol ta’ Keith f’dan kollu, dakinhar wasalna għal konlużjoni li l-verżjoni ta’ Melvin Theuma kienet korraborata b’evidenza.

Arnaud xehed dwar kif sussegwentement inħarġet il-proklama fuq Melvin Theuma fil-25 ta’ Novembru. Wara kienu reġgħu marru jkellmu għat-tielet darba lil Yorgen Fenech għax kien reġa’ talab għall-proklama u qal li dak li qal qabel irid ibiddlu u ta raġunijiet għaliex ried ibiddlu.

Arnaud stqarr li l-allegazzjonijiet li kien hemm għadhom qed jiġu investigati. Tenna li ġew mitkellma diversi persuni sakemm eventwalment ittieħdet deċiżjoni fuq it-tieni proklama tiegħu li kienet ġiet miċħuda.

Arnuad qal li Melvin kien jiftaħ qalbu ma’ persuna partikolari u kien tkellem b’mod li l-uffiċjali fehmu li d-diżgwid kien possibilment relatat mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u kien jinkludi xi diskors dwar il-bail tal-aħwa Degiorgio.

Ix-xhud qal li kien f’April li għadda li dawk kollha li kienu qegħdin jinvestigaw il-każ u dawk kollha responsabbli riedu li tittieħed deċiżjoni dwar il-‘way forward’ tal-azzjoni li kellha tittieħed fuq Melvin Theuma.

L-iskop ewlieni qabel ma nstabu kien li dawn ir-‘recordings’ jiġu intraċċati biex jiġi skopert fuq xhiex kienu. “Matul il-proċess rajna li Melvin kien involut f’attività anke ta’ lottu klandestin u każ ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront tiegħu.

Huwa tenna wkoll li kien is-16 ta’ Novembru fl-uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija, Theuma kien iffirma karta li kienet tgħid li se jiżvela dak kollu li jaf dwar il-każ. Qal li huwa għadda ‘recordings’ li ħaduhom il-Pulizija. Kopji tar-recordings instabu wkoll f’kaxxa tal-plastik ta’ Theuma.

Meta mitkellem mill-Pulizija, ‘Melvin Theuma kien emozzjonat ħafna u beda jibki, u stqarr li xtaq jitkellem dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia’. Wara li tkellem mal-avukati tiegħu, Kathleen Grima u Matthew Brincat, li dawn infurmawna li l-klijent tagħhom kien lest li jikxef kollox u jagħti l-informazzjoni, dejjem jekk jingħata maħfra presidenzjali”.

Il-Pulizija bdiet tissuspetta li r-recordings li kellu Melvin Theuma kellhom x’jaqsmu mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Sadanittant waqt l-investigazzjoni ħareġ Theuma kien involut fil-logħob tal-ażżard illegali u x’aktarx ħasil tal-flus.

It-taqsima tar-Reati Ekonomiċi ġiet mgħarfa b’dan u bdiet investigazzjoni oħra. Instab li kellu każ ta’ ħasil tal-flus. L-ECU u l-Europol identifikaw data, lejn l-aħħar ta’ Novembru meta kellha ssir l-operazzjoni, li Arnaud ma kienx ġie mgħarraf biha.

Melvin Theuma qal Arnaud, ġie arrestat fl-14 ta’ Novembru flimkien ma’ xi qraba oħra. Fil-frattemp Theuma kellu kaxxa tal-plastik fiż-żmien tal-arrest. Theuma talab lill-Pulizija biex ma jiftħux il-kaxxa għax ried jiftaħha quddiem il-Kummissarju. Il-kaxxa infetħet filgħaxija meta Theuma ttieħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Fil-kaxxa kien hemm tliet mobiles, ‘voice recorder’, tliet pakketti tal-karti, u ritratti ta’ mobile.

Ir-ritratti kienu juru mobile mixgħul bin-numru ta’ ċertu “Yorgen” fuqu. Kien hemm ritratt ieħor ta’ Melvin Theuma mal-eks Chief of Staff tal-PM Keith Schembri.

Huwa qal li f’dan il-każ qasam ix-xogħol ma’ l-Ispettur Kurt Zahra. Tenna li
hu ħadem mill-qrib ma’ esperti barranin mill-FBI, esperti forensiċi Olandiżi u esperti minn naħa tal-Europol. 

Arnaud beda jixhed b’mod kronoliġiku dwar kif seħħ il-każ li jmur lura għas-16 ta’ Ottubru 2017. Kien għall-ħabtat tat-3.00 p.m. meta qal li kien infurmat li kienet seħħet splużjoni ta’ karozza fil-Bidnija.

Qal li kien infurmat ukoll li sħabu mill-Korp tal-Pulizija kienu diġa’ fuq il-post u bdew l-investigazzjoni fejn jidħol l-‘crime scene’. Tenna li mar mill-ewwel fuq il-post u wara u rriżulta li l-karozza kienet tal-marka Peugoet 108, u li kienet qed tinstaq mill-ġurnalista Daphne Cruana Galizia.

Ix-xhud qal li l-Ispettur Kurt Zahra daħal fil-parti tal-‘field investigaton’ u hu ħadem mill-qrib mal-uffiċjali barranin, l-aktar ma’ dawk tal-FBI li waslu l-għada tal-qtil. Qal li hu għamel xogħol ukoll mal-esperti tal-Europol u dawk Olandiżi.

L-ewwel xogħol delikat kien li kellhom jaraw kif ġrat l-isplużjoni. Kienu kkonstataw li l-karozza kienet splodiet permezz ta’ bomba impoġġija taħt is-seat tagħha, jiġifieri tax-xufier fejn kien hemm il-vittma.

Mill-informazzjoni tas-‘cell towers’ li nġabru mill-inħawi tad-delitt ġew magħrufa żewġ numri – wieħed kien bagħat messaġġ lil ieħor fil-ħin tal-isplużjon. Dankien ġie decoded SMS li attiva s-‘circuit device’ ġol-bomba u kien hawn li seħħet l-isplużjoni.

Ix-xhud qal ukoll li wieħed mill-mowbajls kien ikun ta’ spiss fil-Bidnija u li żewġ persuni kienu joqgħodu għassa ta’ Daphne Caruana Galizia. Mill-ewwel kienu ġew identifikati George u Alfred Degiorgio. k

Il-mowbajl ta’ George mexa ma’ wieħed mill-‘ghost phones’ u li l-mowbajl ta’ Alfred Degiorgio mexa għal diversi ġranet ukoll. Vincent Muscat, it-tielet persuna, li flimkien mal-aħwa Degiorgio diġa’ tressaq il-Qorti kien ġie identifikat lejn l-aħħar ta’ Novembru.

It-tielet mowbajl kien lokalizzat is-Siġġiewi fejn joqgħod Muscat. Il-mowbajl tiegħu kien ikun lokalizzat mat-tielet ‘ghost phone’ li ntuża fl-operazzjoni biex seħħ id-delitt.

L-Ispettur Arnaud spjega fid-dettal kif ġew tteppjati t-telephones ċellulari tal-persuni akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizija fejn minbarra l-inħawi tal-Bidnija u s-Siġġiewi, kien hemm telefon ieħor ‘tracked’ fil-Port il-Kbir li dan mexa il-Punent san-nofs inhar, dejjem faċċata tal-baħar. Għall ħabta tat-3pm huwa kien mabud mat-torri ta’ fejn hemm il-qanpiena tal-Assedju l-Kbir – li wkoll tinsab faċċata tal-baħar.

Meta ġie attivat il-messaġġ biex tiġi detenuta l-bomba, din kellha d-direzzjoni lejn torri fil-Mosta. Wieħed jinnota li d-direzzjoni dejjem kienet faċċata tal-ibħra Maltin.

Sadanittant id-dgħajsa ta’ Alfred Degiorgio, the Maya, kienet ħarġet mill-Port il-Kbir dak inhar stess u li kienet taħt il-qanpiena tal-Belt fil-ħin li ntbagħat l-SMS. Wara id-dgħajsa mxiet lejn it-tinda tal-patata fil-Marsa, l-poost fejn it-tliet irġiel inqabdu u ġew arrestati.

Il-messaġġ li sploda l-bomba ntbagħat fis-14.58.55. Kien hemm suspetti li min xegħel il-messaġġ kien possibbilment fuq il-baħar. Ix-xhud qal li Alfred Degiorgio kien qed juża karozza tal-kiri li nstabet qrib it-Tarġa battery u l-Pulizija sabet il-garaxx minn fejn kien qed jikriha.

L-Ispettur Arnaud dwar it-telefonbati li kienu parti mportanti mill-investigazzjoni qal li l-Pulizija kienu qeħdin isegwu wkoll it-telefonati tal-arrestati mill-ħabs.

It-telefonati ta’ Vincent Muscat kienu limitati għall-familja tiegħu. Il-Pulizija osservat li George Degiorgio kien iċempel lil ħuh Mario Degiorgio u li frekwentament kien jistaqsih jekk iltaqax ma’ dak…..bl-isem ma jissemmiex.

Arnaud qal ukoll li darba Alfred Degiorgio ċempel lil Maria Degiorgio. It-telefonata kienet saret barra u li l-mobile kien ġie mgħoddi għandu Melvin Theuma. Sa dak il-ħin qal Arnaud huwa ma kienux jafu min hu Melvin.

Kompla jgħid li f’dik it-telefonata ma’ Alfred Degiorgio, Theuma qallu: “Hadt pjaċir nisma’ leħnek, kuraġġ, niltaqgħu”. Għalhekk l-investigaturi fil-każ b’hekk indunaw li Mario Degiorgio kien qed jikkoordina l-affarijiet bejn Theuma u l-aħwa Degiorgio.

Huwa qal ukoll li ħadd mit-tliet irġiel li allegatment iddetonew il-bomba ma għamlu stqarrija mal-Pulizija, li minn naħa tagħha kompliet issegwi l-passi tagħhom meta kienu fil-ħabs.

Arnaud qal ukoll li sadanittant il-Europol baqgħet tassisti fl-investigazzjoni u baqgħet tassisti lill-Pulizija. Saħal li twaqqaf ukoll taskforce biex jiġi investigat il-qtil.

Kompla jgħid li I-investigaturi mill-ewwel kienu ssuspettat li l-qtil kien wieħed ordnat u organiżat. “Konna nafu li dawn kellhom dgħajsa kull weħed u li dan l-aħħar kienu xtraw waħda bl-isem ta’ Maya u rajna l-attività li kien hemm matul il-ġurnata.

Mill-filmati skoprejna li Maya, reġistrata fuq Alfred DEgiorgio, tidher ħierġa kmieni filgħodu, fil-ħin li bdiet tbaħħar ma dehritx fil-port il-kbir, imbagħad deheret wieqfa taħt il-qanpiena fil-ħin li seħħet l-isplużjoni.

L-investigatur fil-każ kompla jgħid li l-Pulizija indunat li Theuma kellu argument ma’ persuna. F’dak il-ħin iżda ma kienux jafu li kien Yorgen Fenech. Kien ukoll għal din ir-raġuni li żdiedet is-sorveljanza fuq Theuma.

Huma kienu ndunaw ukoll li Theuma kien irrekordja l-argument, però dak iż-żmien ma kienux jafu bil-kontenut ta’ dan kollu. .Theuma wkoll b’mod frekwenti kien jirreferi għall-aħwa Degiorgio u qatt fuq Muscat. Arnaud xehed li l-istħariġ kompla billi bdew janalizzaw din id-‘data’ flimkien mal-Europol.

Fuq domanda tal-Ispettur Zahra, fuq kif ġew il-flus, Arnaud qal li waqt l-investigazzjoni, ħareġ li Melvin Theuma beda jinteressa ruħu fl-aħwa Degiorgio u li saħansitra kien mar għand Mario Degiorgio fid-dar tiegħu.

Lejn l-aħħar ta’ Novembru ġie identifikati it-tielet persuna, possibilment Vincent Muscat peress li t-tielet mowbajl kien lokalizzat is-Siġġiewi. Il-mowbajl tiegħu kien ikun lokalizzat mat-tielet ghost phone li ntuża fl-operazzjoni biex inqatlet Daphne Caruana Galizia.

Il-messaġġ li sploda l-bomba ntbagħat fis-14.58.55. Kien hemm suspetti li min xegħel il-messaġġ kien possibbilment fuq il-baħar.

Konna nafu li dawn kellhom dgħajsa kull weħed u riċentament kienu xtraw waħda Maya u rajna l-attività li kien hemm matul il-ġurnata. Mill-filmati kkonfermjana li Maya reġistrata fuq Alfred DEgiorgio tidher ħierġa kmieni filgħodu, fil-ħin li bdiet tbaħħar ma dehritx fil-port il-kbir imbagħad tidher wieqfa taħt il-qanpiena fil-ħin li seħħet l-isplużjoni u tidħol wara fit-Tinda tal-Patata.

Fil-Qorti hemm sigurtà kbira, b-akkużat jasal imdawwar b’diversi uffiċjali tas-sigurtà. Bħal f’kull każ relatat ma’ dan il-qtil barbaru, fl-awla hemm preżenti l-familjari tal-vittma.
Fi żmien xahar il-Qorti trid tiddeċiedi fuq il-prima facie (jekk hemmx biżżejjed provi biex Fenech jitpoġġa taħt att ta’ akkuża). Wara l-atti kollha tal-każ jintbagħtu lill-Avukat Ġenerali.

Kif kien mistenni ma saritx talba biex l-akkużat jingħata l-libertà proviżorja f’dan l-istadju daqstant bikri u dan peress li jkun għad baqa’ diversi xhieda mportanti biex jagħtu d-depożizzjoni tagħhom dwar il-każ. Għal Yorgen Fenech qegħdin jidhru l-Avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran.

Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia qed imexxi l-Prosekuzzjoni flimkien mal-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru għall-familja ta’ Caruana Galizia bil-Qorti wkoll tiġi notifikata li qegħdin jidhru wkoll ir-raġel tal-vittma, l-Avukat Peter Caruana Galizia u l-Avukat Andrew Borg Cardona . Il-kumpilazzjoni se tkompli nhar il-Ħamis 19 ta’ Diċembru.