Internazzjonali

Iraq: L-Iran suspettat dwar attakki fuq il-bażijiet tal-Amerikani

Il-Gvern tal-Istati Uniti jemmen li l-Iran hu ‘il-moħħ’ wara sensiela ta’ attakki bir-rokits ‘li qegħdin jidhru dejjem aktar sofistikati’ u li kellhom fil-mira diversi faċilitajiet militari konġunti tal-Amerikani u l-Iraqqin, fl-artijiet tal-Iraq.

L-attakki seħħew meta l-Istati Uniti tinsab imħassba li l-Iran jista’ qed jippjana aktar azzjonijiet ‘ta’ provokazzjoni’ kontra t-truppi Amerikani u l-interessi ta’ Washington f’reġjun mill-aktar delikat.

Intant, il-militar tal-Istati Uniti ‘jemmen bis-sħiħ’ li l-gruppi armati fl-Iraq, li għandhom l-appoġġ tal-Iran, huma responsabbli għal numru ta’ inċidenti. Dan meta, fl-aħħar ħames ġimgħat, seħħew talanqas disa’ attakki bir-rokits jew bil-missili ‘kontra l-faċilitajiet Iraqqin li jinkludu preżenza ta’ suldati Amerikani, inkella kontra siti oħrajn fil-viċinanzi’.

L-aktar attakk riċenti, sadanittant, qed jidher li seħħ fil-bidu tal-ġimgħa. Dan fost rapport li erba’ rokits laqtu sit viċin l-ajruport internazzjonali ta’ Bagdad li qed jintuża għal taħriġ militari. F’dan is-sit, it-truppi Amerikani qegħdin iħarrġu lill-memnbri tas-Servizzi Iraqqin għal kontra t-Terroriżmu u għalkemm ma nqatel ħadd f’dik l-isparatura, ir-rapporti rreferew għal ‘sitt midruba’ minn fost il-qawwiet tas-sigurtà tal-Iraq.

Il-Kmandant Sean Robertson, kelliem għall-Pentagon ta’ Washington, għamilha ċara li l-Istati Uniti qed tieħu dawn l-inċidenti bl-akbar serjetà u bħalma qed jagħmlu s-sieħba Iraqqin li qegħdin jikkooperaw mal-Amerikani għall-ħarsien tas-sigurtà fir-reġjun.

L-Iraqqin qegħdin jinvestigaw l-inċidenti u l-Istati Uniti insistiet bid-dritt li tiddefendi lilha nnfisha, fost stqarrijiet li l-attakki fuq il-militar tagħha u tal-alleati – flimkien mal-attakki indirizzati kontra l-faċilitajiet tagħhom — mhumiex se jkunu tollerati.

Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Mark Esper, ukoll kien tkellem dwar ‘l-isparar tar-rokits kontra l-qawwiet Amerikani ġewwa l-bażijiet fl-Iraq’. Fl-istess ħin, Esper irrefera ‘għall-indikazzjonijiet li l-Iran hu involut f’dawn l-isparaturi’.

L-awtoritajiet tal-Istati Uniti fakkru li l-qawwiet Amerikani qegħdin jagħtu servizz fl-Iraq fuq l-istedina tal-Gvern Iraqqin u bil-għan li huma jappoġġjaw lill-qawwiet tal-Iraq kontra t-terroristi tal-ISIS fl-inħawi.