Sport Sport Ieħor

Isir il-ħames u l-aħħar rawnd tal-kampjonat tal-Hillclimb

(Ritratt: David Axisa)

Il-Ħadd li għadda ġie organizzat il-ħames u l-aħħar rawnd tal-Kampjonat Nazzjonali Enemed tal-Hillclimb. Bħas-soltu l-kampjonat li għandu l-itwal storja fil-motorsport f’pajjiżna, ġie organizzat mill-Island Car Club fit-telgħa tal-Imtaħleb fil-limiti tar-Rabat.

Fabio Baldacchino spiċċa fl-ewwel post fil-kategorija tal-karozzi formula b’ħin ta’ 61.31 sekonda. Mauro Portelli spiċċa t-tieni segwit minn Darren Camilleri. Charles Cutajar fuq Escort Mk1 rebaħ il-klassi Rear Wheel Drive u Didier Bugeja fuq Peugeot 106 rebaħ il-klassi Front Wheel Drive.

Spikkat il-prestazzjoni tas-sewwieq żagħżugħ Nicky Gauci. Hu magħruf aktar fil-go karts iżda mar tajjeb ħafna fl-ewwel esperjenza tiegħu fil-hillclimb. Gauci spiċċa fil-ħames post u tlieta mill-erba’ kompetituri ta’ qablu kellhom magni b’aktar potenza.