Sport Sport Ieħor

Jurgen Balzan jasal sal-finali fil-Major ta’ Milan

Valletta SC jaslu sas-semifinali

Iż-żagħżugħ Malti Jurgen Balzan wasal sal-finali fil-Major ta’ Milan li kienu organizzat fiċ-ċentru sportiv Schuster f’Milan. Fl-istess kompetizzjoni, ħadu sehem Valletta Subbuteo li waslu sas-semifinali.

Balzan ħa sehem fil-kategorija individwali Open u ta’ taħt id-19-il sena. Fil-kategorija Open hu spiċċa t-tieni u kkwalifika t-tieni fil-grupp u kien eliminat fil-barrage kontra t-Taljan Leonardo Giudice 6-2. Fil-kategorija ta’ 19-il sena hu rebaħ is-semifinali kontra t-Taljan Riccardo Natoli 2-1 iżda tilef il-finali kontra t-Taljan Lorenzo Lazzaretti 2-1 b’sudden death.

Il-plejer ta’ Valletta Mario Camilleri ħa sehem fil-kategorija tal-veterani. Hu wasal sal-kwarti tal-finali u kien megħlub 2-1 b’sudden death kontra t-Taljan Gianfranco Calonico.

Fil-kompetizzjonijiet tat-timijiet, Valletta Subbuteo Club għaddew l-ewwel mill-grupp u fil-kwarti tal-finali eliminaw lit-tim Belġjan Rochefort TS 1-0. Fis-semifinali ġew eliminati minn Reggio Emilio 3-0, li eventwalment rebħu l-kompetizzjoni. It-tim kien magħmul minn Samuel Bartolo, Derek Conti, Mario Camilleri u Angelo Borg. Valletta SC bħalissa jinsabu fid-disa’ post fir-rankings tad-dinja.

Jurgen Balzan lagħab mat-tim Belġjan tiegħu Stembert, bit-tim wasal sal-aħħar 16 b’eliminazzjoni ta’ 3-0 kontra Reggio Emilia.