Lokali

Konrad Mizzi ma jippreżentax ir-rapport dwar il-VGH minkejja l-ordni tal-Qorti

L-eks Ministru Konrad Mizzi ma ppreżentax kif ordnat mill-Qorti kopja tar-Rapport ta’ Evalwazzjoni dwar il-ftehim tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare bl-iskuża li dan mhux qiegħed għandu iżda jinsab għand Projects Malta

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale, nhar it-Tnejn li għadda kienet ordnat lill-Ministru biex jippreżenta dan ir-rapport u dan għax hu kkwota ħafna minnu fix-xhieda li kien ta.

Konrad Mizzi kien qal taħt ġurament f’Novembru li għadda li l-Gvern żamm mar-rakkomandazzjonijiet tal-bord ta’ evalwazzjoni qabel ma daħal fil-ftehim mal-VGH.

Mistoqsi għaliex ma ppreżentax ir-rapport, l-Avukat Chris Falzon Scerri, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal lill-Qorti li la l-Prim Ministru u lanqas l-Avukat Ġenerali ma għandhom dan ir-rapport.

“Il-Gvern huwa wieħed. Jekk l-eżekuttiv ma jistax isib kopja, jekk il-PM ma għandux kopja, dan hu nuqqas,” insista l-Avukat ta’ Delia. Il-Qorti ordnat li rappreżentant ta’ Projects Malta jintalab jixhed u jippreżenta dan ir-rapport li semma l-eks Ministru.

Din il-kawża kienet inbdiet mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u qed jisħaq li l-istparijiet għandhom jiġu mogħtija lura lill-poplu u li l-ftehim, li issa jinsab f’idejn Steward Healthcare, ikun iddikjarat null. Il-każ se jkompli fis-27 ta’ Jannar li ġej bil-Qorti tgħid li r-rapport irid ikun fil-Qorti f’dik id-data.