Lokali

L-akbar difensur ta’ Muscat jgħid li għandu jitlaq issa

"Il-Prim MInistru tilef kull kredibilità"

Jekk hawn xi ħadd f’pajjiżna li dejjem iddefenda u poġġa fuq l-ogħla pedestall lil Joseph Muscat, dan huwa l-opinjonista Martin Scicluna.

Illum l-istess Scicluna qed jikteb li d-deċizjoni ta’ Muscat li jibqa’ Prim Ministru sa Jannar hija inaċċettabbli, u li huwa fl-interess Nazzjonali li l-Kabinett Laburista jgħid lil Joseph Muscat li għandu jitlaq issa.

F’artiklu ppubblikat fuq il-ġurnal Times of Malta, Martin Scicluna jagħti żewġ raġunijiet prinċipali għal dan. L-ewwel, illi r-rispett lejn l-istandards etiċi ta’ Gvern huwa dak li jagħti sinsla lid-demokrazija. Muscat, jgħid Scicluna, tilef kull kredibilità, u aktar ma jtawwal milli jitlaq aktar qed jikser kull prinċipju ta’ responsabbiltà ministerjali, u tkompli tagħmel ħsara irreparabbli lill-integrità tal-Kostituzzjoni, lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u lill-Gvern innifsu u l-Parlament.

Aktar minn hekk, Scicluna jasal jgħid li l-kriżi Kostituzzjonali li nħoloqot taqa’ biss fuq spallejn Muscat u li huwa accountable għaliha.

It-tieni raġuni li jagħti l-opinjonista hija li l-proċess biex jintagħżel mexxej ġdid m’għandux jieħu wisq żmien, u li, fi kliem Scicluna, “il-makkinarju tal-Gvern mhux se jieqaf mingħajr Muscat fit-tmun”.

Martin Scicluna jkompli jgħid li jkun għaqli li Muscat jagħraf immedjatament li dan it-taħwid ħolqu hu, u li aktar ma jdum ma jitlaq aktar se jkabbru. U li minkejja s-sitt snin ta’ suċċess ekonomiku, Panamagate, l-iskandlu ta’ 17 Black u l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kissru r-reputazzjoni tal-amministrazzjoni mmexxija minnu u għamlu ħafna ħsara lill-pajjiż.