Futbol Sport

Liverpool, Chelsea, u Napoli jikkwalifikaw

Iċ-champions Ewropej Liverpool, Napoli u Chelsea kisbu post fit-tieni rawnd tal-UEFA Cahmpions League, filwaqt li Inter u Ajax Amsterdam se jkollhom ikomplu l-avventura ewropea fil-UEFA Europa League.

Mil-logħbiet tal-bieraħ ikkwalifkaw ukoll Olympique Lyon, Valencia u Borussia Dortmund, li ngħaqdu ma’ Liverpool, Napoli u Chelsea, kif ukoll ma’ Barcelona u RB Leipzig li kienu diġa; kwalifikati qabel il-logħbiet tal-bieraħ.

GRUPP E – L-ikbar attenzjoni f’dan il-grupp kienet il-logħba fl-Awstrija bejn Salzburg u Liverpool, fejn iċ-champions ewropej kienu qed jirriskjaw eliminazzjoni bikrija kieku tilfu fl-Awstrija.

Iżda t-tim immexxi minn Jurgen Klopp li qed jiddomina l-Premiership fl-Ingilterra wera l-klassi tiegħu fejn ma falliex f’din l-okkażjoni u b’żewġ gowls fit-tieni taqsima aċċerta milli jkompli jiddefendi t-titlu mirbuħ is-sena l-oħra.

Liverpool skorjaw darbtejn fi spazju ta’ minuta fis-57 u fit-58 minuta permezz ta’ Keita u Salah beix temmew l-aspirazzjonijiet ta’ Salzburg li issa jkomplu fl-Europa League.

Fil-logħba l-oħra tal-Grupp, Napoli riedu biss draw fi Stadio San paolo kontra Genk, u sa tmiem l-ewwel taqsima kienu iktar minn ċerti mill-kwalifikazzjoni meta bnew vantaġġ ta’ tliet goals.

Kien il-Pollakk Milik l-eroj tat-tim ta’ Ancelotti meta skorja hat-trick fl-ewwel taqsima, bit-tielet gowl minn azzjoni ta’ penalty fis-26 minuta.

Wara l-intervall Napoli kellhom penalty ieħor fl-64 minuta u din id-darba kien Mertens li skorja għal skor finali ta’ 4-0.

GRUPP F – F’dan il-Grupp bit-tim ta’ Barcelona diġa’ aċċertat mill-kwalifikazzjoni kien hemm taqtiegħa bejn Inter u Borussia għal min se jikseb it-tieni, fejn Inter riedu jirbħu lil Barcelona u jaċċertaw mill-kwalifikazzjoni minħabba li kellhom vantaġġ fuq Borussia Dortmund fil-konfront dirett.

Iżda f’San Siro Inter ma rnexxielhomx jegħlbu lill-Katalani li minkejja li ma kienux bl-aqwa formazzjoni, fejn Messi lanqas biss kien mgħajjat fl-iskwadra.

Barcelona minkejja dan dehru aħjar speċjalment fl-ewwel taqsima u marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Perez fit-23 minuta. Minuta mill-intervall Inter kisbu l-gowl tad-draw b’xutt ta’ Lukaku mxellef minn difensur jispiċċa fix-xibka.

Fit-tieni taqsima Inter attakkaw għal ħinijiet twal ifittxu l-gowl rebbieħ. Huma kellhom tliet gowls imħassra minħabba pożizzjonijiet ta’ offside, deċiżjonijiet li kienu kollh ġusti.

Fl-aħħar ħinijiet Barcelona ntroduċew lil Suarez, De Jong u  Fati, fejn kien dan ta’ l-aħħar li seraq ix-xena fejn skorja l-gowl rebbieħ fis-87 minuta, żewġ minuti biss wara li daħal jilgħab.

Għal Inter bla dubju daqqa ta’ ħarta tremenda fejn għat-tieni sena konsekuttiva ma rnexxielhomx jgħaddu għat-tieni fażi tal-UEFA Champions League.

Borussia Dortmund riedu r-rebħa ma’ Slavia u riedu wkoll xi żelqa minn naħa ta’ Inter. Għal Dortmund irnexxa kollox anki jekk Slavia kellhom prestazzjoni ferm tajba.

Sancho fetaħ l-iskor għal Dortmund wara għaxar minuti iżda fit-43 minuta Soucek kiseb id-draw għaċ-Ċeki. Brandt reġa’ poġġa lil Dortmund minn fuq fil-61 minuta, iżda Dortmund kellhom isofru fejn lagħbu wkoll l-aħħar ħdax-il minuta bi plejer inqas meta tkeċċa Weigl għat-tieni karta safra.

GRUPP G – Leipzig kienu diġa’ kkwalifikati iżda kisbu draw ta’ 2-2 fi Franza kontra Lyon, riżultat li bih il-Franċiżi għaddew għat-tieni rawnd.

Dan għamluh għas-spejjeż ta’ Zenit li sofrew telfa kbira ta’ 3-0 f’Lisbona kontra Benfica, fejn bis-saħħa ta’ dan ir-riżultat Benfica spiċċaw it-tielet u se jkomplu fl-Europa League u Zenit spiċċaw fl-aħħar post.

GRUPP H – Dan il-grupp kien l-iktar missielet u bilanċjat fejn is-semifinalisti tal-edizzjoni l-oħra Ajax kienu megħluba f’darhom minn Valencia 1-0, li b’din ir-rebħa rebħu l-grupp u Ajax kienu eliminati.

Għaddew ukoll Chelsea li fi Stamford Bridge għelbu lil Lille 2-1, fejn għall-Blues skorjaw Abraham u Azpilicueta fl-ewwel taqsima.