Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ attentat ta’ serq fir-Rabat peress li ma kienx identifikat

Mario Camilleri ta’ 50 sena ġie illiberat u ma nstabx ħati li pprova jisraq minn dar fir-Rabat wara li ma kienx hemm provi biżżejjed fuq il-każ. Dan wara li baqa’ ma kienx identifikat bħala l-persuna li wettaq ir-reat.

Il-każ ta’ attentat ta’ serq u l-akkużi dwarhom kienu dwar id-data tat-23 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra. Mill-provi fil-Qorti rriżulta li l-karozza, li kienet reġistrata fuq Camilleri tgħaddi diversi drabi minn quddiem id-dar li ġiet sgassata.

Il-karozza kienet ipparkjata eżatt mal-faċċata tal-kantuniera tad-dar inkwistjoni u dawk li kienu qed jagħmlu użu mill-vettura jidhru jagħmlu kuntatt mal-aperturi u mal-bibien tar-residenza.

Dak li jirriżulta minn filmati tas-CCTV huwa li x-xufier tal-karozza mar bil-ġirja u daħal fir-residenza li kien għadha sgassata mill-persuna li kien riekeb miegħu.

Minkejja l-cameras, il-persuni baqgħu ma ġewx identifikati sal-grad mistenni mill-Qorti – anke jekk jidhru jittawlu ġewwa r-residenza, fejn anke fetħu l-grada tal-bieb ta’ barra, u ħerġin mill-garaxx li jidher bil-bieb miftuħ.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li minn imkien ma rriżulta li l-karozza kien jagħmel użu minnha Camilleri biss. Qalet ukoll li mhemmx dubju li l-preżenza kontinwa tal-karozza reġistrata f’isem l-akkużat fl-akwati tal-post sgassat, hi waħda suspettuża għall-aħħar u l-probabilità kbira hi li l-imputat, bħala s-sid tal-vettura, għandu x’jirrispondi għal dak li ġara.

Madankollu, minkejja din il-possibilità kbira kemm hi kbira, l-provi fil-kamp penali mhemmx lok għal spekulazzjoni, qalet il-Qorti. Wara li ġew eżaminati sew l-istills li nħarġu mill-filmati, l-Qorti kkonfermat dak li kien xehed l-Ispettur Joseph Mercieca, li l-imputat jibqa’ ma jiġix idenfikabbli għalkemm il-persuna li tidher issuq il-karozza lejn ir-residenza, hi ta’ struttura li tixbah dik ta’ Camilleri, ma hemm xejn ċert.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Qorti lliberat lill-akkużat mill-akkużi miġjuba kontrih. L-Avukat David Gatt deher għal Camilleri.