Edukazzjoni Lokali

Movimenti misterjużi fil-Ministeru tas-Saħħa

Sa minn ftit tas-sigħat ilu, bdew għaddejjin movimenti strambi fil-Ministeru tas-Saħħa, il-Belt Valletta.

Hekk kif ninsabu biss ftit tas-sigħat bogħod mill-ħin tal-egħluq għan-nomini għat-tmexxija tal-Partit Laburista, fil-Ministeru ta’ Chris Fearne, kienu innutati movimenti strambi, bil-portal tal-Maltatoday tirrapporta li jista’ jkun il-każ li fil-Ministeru kien hemm ukoll id-Deputat Robert Abela.

Crew ta’ Net News li kien ħdejn il-Ministeru ra lill-Ministru Jose Herrera ħiereġ mill-binja, u meta aktar tard ħareġ il-Ministru tas-Saħħa Chris, Fearne, u meta mistoqsi jekk kellux laqgħa ma’ dak li x’aktarx se jkun il-kandidat l-ieħor għat-tmexxija, id-Deputat Robert Abela, huwa qal li ma kienx ra lil Robert Abela fl-ebda ħin illum.

Fearne ġie mistoqsi wkoll jekk kienx jaf jekk Robert Abela hux se jirtira n-nomina tiegħu, b’Fearne jgħid li ma kienx jaf u ma kien sema’ xejn f’dar-rigward.

Intant, ħaddiema tal-Ministeru tas-Saħħa li ħarġet ma’ Chris Fearne, reġgħet daret lura wara ftit ħin għal xi raġuni. Aktar kmieni hi kienet qalet li l-moviment kien dovut biss għall-fatt li kienu qed isiru xi messaġġi ta’ appoġġ għal Chris Fearne minn xi Deputati.

Il-Ministru Chris Fearne u d-Deputat Robert Abela huma ż-żewġ kandidati li sa issa jidher li se jkunu qed jitfgħu isimhom għall-kariga ta’ mexxej tal-Partit Laburista. Dan wara li Robert Abela ħareġ jgħid li ma kienx lest ikun parti minn patti mxajtna.

In-nomini jagħlqu fit-8.00pm tal-lejla.