It-triatleta ta’ Birkirkara St. Joseph Sports Club Rudolph Agius kompla jiddomina x-xena Maltija fuq distanza twila hekk kif stabbilixxa rekord fil-kampjonat tal-Lvant Nofsani Ironman 70.3 li sar fil-Bahrain fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Hu temm it-tellieqa ta’ 113-il kilometru f’erba’ sigħat u sitt minuti u erba’ sekondi. It-tellieqa kienet tikkonsisti f’għawma ta’ 1.9km, 90km rota u nofs maratona, bl-atleti jikkonsistu f’kundizzjonijiet tajbin u b’temperaturi ta’ madwar 23 grad.
Agius ħa sehem fil-grupp tal-irġiel ta’ bejn l-40 u l-44 sena. Hu kien l-ewwel barra mill-ilma f’27 minuta u 13-il sekonda. Hu laħaq medja ta’ 41 kilometru waqt id-90km bir-rota f’korsa ċatta fiċ-ċirkwit internazzjonali tal-Bahrain. L-atleta Malti niżel ftit postijiet fil-klassifika iżda pproduċa ġirja tajba fin-nofs maratona. Hu rreġistra pass ta’ ‘3.59/km u spiċċa t-tieni fit-taqsima u spiċċa fir-raba’ post fil-grupp tal-età tiegħu.
B’dan ir-riżultat, Agius reġa’ kkwalifika għall-Kampjonat Dinji tal-Ironman 70.3 2020 f’Taupò fin-New Zealand. Minkejja din il-kwalifikazzjoni, Agius ikkonferma li mhux se jieħu sehem minħabba li qed jagħti importanza għall-Kampjonat tad-Dinja Ironman tas-sena d-dieħla li se jsiru f’Kailua-Kona fil-Hawaii f’Ottubru.
F’din l-edizzjoni ħadu sehem ukoll tliet atleti Maltin li huma Josef Bonavia u Herman Sciberras li ħadu sehem fil-kategorija bejn il-35 u d-39 sena kif ukoll Norman Martinez fil-kategorija bejn il-45 u d-49 sena.
Bonavia temm it-tellieqa f’erba’ sigħat, 10 minuti u 53 sekonda biex spiċċa fit-tmien post fil-kategorija tiegħu. Hu temm l-għawma f’29 minuta u 18-il sekonda, id-90km ta’ rota f’sagħtejn, sitt minuti u 40 sekonda u l-ġirja f’siegħa, 28 minuta u 24 sekonda.
Sciberras ikklassifika fid-39 post fil-kategorija tiegħu f’erba’ sigħat u 39 minuta. Hu temm l-għawm fi 30 minuta u 41 sekonda, id-90km bir-rota f’sagħtejn, 21 minuta u 59 sekonda u l-ġirja f’siegħa 39 minuta u 54 sekonda.
Martinez temm it-tellieqa f’sitt sigħat, 35 minuta u 36 sekonda biex spiċċa fil-127 post fil-kategorija tiegħu. L-għawma spiċċaha fit-48 minuta u sekonda, id-90km bir-rota f’sagħtejn, 41 minuta 34 sekonda filwaqt li l-ġirja għamilha f’sagħtejn, 51 minuta u 48 sekonda.
//= $special ?>