Lokali Qorti

Yorgen Fenech kien infurmat b’dak kollu li seħħ waqt il-laqgħa f’Kastilja

Jixhed l-ispettur Keith Arnaud

Skont in-negozjant Yorgen Fenech, l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri “għamel li għamel biex jgħinu”.

Xehed dan l-ispettur Keith Arnaud hekk kif fil-Qorti bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech li qed ikun akkużat li kien il-moħħ fl-assasinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fix-xhieda tiegħu l-ispettur Arnaud qal li meta kien interrogat Melvin Theuma, il-middleman qal li kien inkwetat li ma kinitx se timmaterjalizza l-wegħda li t-tliet suspettati – l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat – jingħataw il-liberta’ proviżorja. Kien għalhekk li Yorgen Fenech kien qal lil Melvin Theuma li kellu jkellem lil Keith Schembri biex jara x’qed jiġri.

Fil-Qorti ħareġ kif fl-2018 Keith Schembri kien attenda laqgħa f’Kastija mal-Prim Ministru u ma’ “Owen”. Yorgen Fenech kien infurmat b’dak kollu li seħħ waqt din il-laqgħa.

Fil-Qorti ħareġ wkoll li bir-referenza għal “Owen” l-investigaturi kienu qed jassumu li dan kien il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici.

Fix-xhieda tal-ispettur Keith Arnaud saret referenza għat-telefonati rrekordjati bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech. Minn dawn it-telefonati ħareġ li Yorgen Fenech qal li Keith Schembri qed jgħinu.

Sigurta’ massima barra l-bini tal-Qorti

Il-ġimgħa li għaddiet meta xehed għall-ewwel darba l-middleman Melvin Theuma, hu kien qal li beda jżomm rekord tat-telefonati ma’ Yorgen Fenech minħabba li kien jibża’ li kollox idur fuqu.

Fix-xhieda tiegħu fil-Qorti l-ispettur Arnaud ta d-dettaji tal-investigazzjoni sabiex inqabdu t-tlett irgiel li għamlu l-bomba mal-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia.

Wara x-xiedha tal-ispettur Arnaud tela’ jagħti t-testimonjanza tiegħu l-middleman Melvin Theuma. Hu rrepeta d-dettalji li kien diġa’ ta’ f’testimonjanzi preċedenti.

Il-kumpilazzjoni qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.