Internazzjonali

Stati Uniti: Imutu f’sensiela ta’ sparaturi fi New Jersey

L-investigaturi fl-Istati Uniti qed janalizzaw x’wassal għal sensiela ta’ battalji f’Jersey City – fl-Istat ta’ New Jersey – li fihom tilfu ħajjithom uffiċjal tal-pulizija u ħames persuni oħra, fost numru ta’ sparaturi. Żewġ uffiċjali oħra tal-pulizija ndarbu waqt l-inċident li kkonkluda bi ‘sparatura finali’ meta żewġ aggressuri armati ngħalqu ġo supermarket fiz-zona li jbiegħ l-ikel (kosher) tal-Lhud

Filwaqt li, fl-aħħar sigħat, kienu qegħdin jidħlu d-dettalji tal-inċidenti, l-investigaturi jemmnu li l-lokalità fejn seħħet id-dmija kienet ‘mira partikulari’. Iz-zona fejn seħħew l-isparaturi għal żmien twil inħakmet mit-tensjoni u l-paniku, b’numru ta’ skejjel u negozji jispiċċaw fi stat ta’ lockdown temporanju.

Il-pulizija li nqatel fl-isparar kien qed jaqdi dmiru fit-tmexxija ta’ programm ( effettiv għall-Istat kollu ta’ New Jersey) għall-ikkonfiskar tal-armi tan-nar illegali.

Qed jingħad li l-vjolenza bdiet fl-inħawi ta’ ċimiterju u meta ma kenux ikkonfermati rapporti li ‘il-konfronti bejn il-pulizija u s-suspettati kienu marbutin ma’ investigazzjoni dwar omiċidju’.

Intant, il-pulizija fuq il-post spiċċaw mira ta’ sparar, b’żewġ irġiel suspettati joqtlu lill-uffiċjal tal-liġi meta hu prova javviċinahom. Iż-żewġ armati ħarbu mill-inħawi b’karozza u daħlu fis-supermarket fejn baqgħu assedjati mill-pulizija armati għal erba’ sigħat fost l-isparar bla heda.L-investigaturi jemmnu li ż-żewġ irġiel armati laħqu qatlu tliet persuni fis-supermarket qabel inqatlu huma wkoll mill-pulizija.

Rapporti oħra qed jallegaw li l-karozza tas-suspettati kien fiha tagħmir – suspettat bħala bomba tan-nar – li ttieħed għall-analiżi mill-ispeċjalisti tal-bomb disposal mal-pulizija.

Għalkemm ma kien hemm l-ebda informazzjoni konkreta li l-inċident seta’ kien marbut mat-terroriżmu, il-pulizija ma elaborawx dwar ir-raġunijiet għalfejn is-supermarket spiċċa mira tal-aggressuri. Lanqas ma kkummentaw jekk l-attakk setax kien xprunat minn sentimenti anti-Semitiċi.