Internazzjonali

Suu Kyi tiċħad dwar ġenoċidju fi Myanmar

Il-Mexxejja ta’ Myanmar, Aung San Suu Kyi, fl-aħħar sigħat iddefendiet pajjiżha kontra allegazzjonijiet ta’ ġenoċidju waqt process fil-Qorti Internazzjonali al-Ġustizzja tan-Nazzjonijiet Uniti. Suu Kyi, li snin ilu rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi, kienet qed twieġeb għal diversi allegazzjonijiet li t-Tmexxija fi Myanmar ( eks Burma) wettqet l-atroċitajiet kontra membri tal-komunità Musulmani tar-Rohingya.

Fl-ewwel rimarki lill-Qorti Internazzjonali, Suu Kyi fissret il-każ kontra Myanmar bħala wieħed ‘inkonkluż u mhux korrett’. Hi spjegat li l-problemi fl-inħawi ta’ Rakhine, fejn qed jgħixu ħafna membri tar-Rohingya, imorru lura għal sekli sħaħ.

Eluf ta’ Rohingya sfaw maqtula waqt offensiva tal-Armata fi Myanmar (fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Buddisti) fl-2017. B’konsegwenza tal-offensiva, mijiet ta’ eluf ta’ Musulmani kienu ħarbu lejn Bangladesh li jaqsam fruntiera ma’ Myanmar.

It-Tmexxija fi Myanmar dejjem insistiet li qed tipprova tikkonfronta theddida ta’ estremisti fl-Istat ta’ Rakhine u Aung San Suu Kyi żammet ma din il-pożizzjoni.

Il-Mexxejja ta’ Myanmar, fl-istess ħin, irreferiet għall-vjolenza f’pajjiżha bħala ‘konflitt armat intern’ li, skont hi, kien dovut għal attakki mill-militanti tar-Rohingya fuq il-pożizzjonijiet tas-sigurtà tal-Gvern.

U waqt li ammettiet li l-militar ta’ Myanar seta, kultant, uża ‘aktar forza milli neċessarju’, Suu Kyi qalet li s-suldati ta’ pajjiżha għandhom jiffaċċjaw il-ġustizzja f’każ ta’ konferma li huma kienu wettqu xi reati tal-gwerra.