Lokali

Umiljat mill-aktar rivista awtorevoli fl-Italja

Il-faċċata tar-rivista ‘Panorama’ li ġiet ippubblikata llum tagħti stampa ċara, jekk qatt kien hemm bżonn, ta’ f’liema livell waslet il-kriżi politika li daħħalna fiha Joseph Muscat. Bil-media Taljana issa tibda tikxef ukoll ir-rabtiet li kellu l-istess Muscat mal-eks Prim Ministru Taljan Matteo Renzi.

‘Panorama’ tiddeskrivi b’ittri kbar ir-rabta bejn Renzi u Muscat bħala “ħbiberiji perikolużi”.

‘Panorama’ tinvestiga fost l-oħrajn iż-żjara li kellu Muscat fl-Italja f’Mejju tal-2016 – ftit wara li ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers – meta ħa miegħu lil Keith Schembri.

Ir-rivista tikxef ismijiet ġodda f’din ix-xibka li bħal donnu dejjem intesew; fosthom Sandro Gozi, li ġie deskritt bħala konsulent ta’ Muscat. Gozi kien ingħata l-Ordni Nazzjonali tal-Mertu f’Jum ir-Repubblika, ftit tax-xhur biss wara ż-żjara fl-Italja tad-delegazzjoni Maltija.

Ma’ ‘Panorama’, Sandro Gozi insista li qatt ma ħa ħsieb il-mod kif jidher il-Gvern Malti; gvern deskritt minnu bħala ta’ suċċess.

Gozi kien spiċċa f’nofs kontroversja kbira u b’akkużi serji ta’ kunflitt ta’ interess meta l-ġurnal Le Monde kixfu bħala l-politiku Taljan li kien jagħti konsulenzi lil Muscat, fl-istess waqt li jagħti konsulenzi lill-gvern Franċiż.

Jidher li din il-konsulenza baqgħet għaddejja sa Ottubru li għadda. Iżda Gozi baqa’ jinsisti li għalih, dan ma kienx kunflitt ta’ interess.