Nota allegatament miktuba minn Keith Schembri ipprovat timplika lill-Ministru Chris Cardona fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan kien żvelat mill-ġurnal Times of Malta fejn ingħad li Chris Cardona allegatament offra lil ċertu kriminali il-faċilita’ li jdaħħlu sigaretti tal-kuntrabandu mingħajr xkiel bħala kumpens biex joqtlu lill-ġurnalista.
Madankollu, sorsi qrib l-investigaturi qalu li ftit għandhom tama li jikkonfermaw jekk Keith Schembri kienx verament wara din l-ittra. Dan għaliex id-dokument tant biddel l-idejn li hu diffiċli li testijiet forensiċi jagħtu riżultati pożittivi.
Skont sorsi qrib l-investigazzjoni, kienu l-eżekuturi li allegatament talbu lil Chris Cardona biex jirranġa aċċess bla xkiel fil-faċilita’ tal-Freeport f’Birżebbuġia sabiex jiffaċilita’ kuntrabandu ta’ sigaretti u alkoħol bħala pagament parzjali biex isir il-qtil. Din l-għajnuna kellha tieħu l-forma ta’ liċenzja biex jaħdmu fil-Freeport.
Kien Yorgen Fenech li għadda din l-ittra lill-pulizija u allega li l-eks Chief of Staff ta’ Muscat kien involut fl-assassinju f’tentattiv biex Fenech jingħata kastig eħfef u r-responsabbilta’ tal-qtil titpoġġa f’ħoġor Chris Cardona.
Ikkuntattjat minn Times of Malta, il-Ministru Cardona qal li l-kontenut ta’ din l-ittra fih allegazzjonijiet infondati. Hu qal li l-Pulizija kienu interrogawh b’rabta ma’ dawn l-allegazzjonijiet u l-investigaturi “kienu sodisfatti bit-tweġibiet” li ta.
Min-naħa tiegħu, Keith Schembri ċaħad li kellu xi involviment f’din l-ittra u qal kollu dak li kellu jgħid lill-Pulizija ta’ Malta u lill-Europol
//= $special ?>