Futbol Sport

Arsenal jevitaw telfa u rebħiet kbar għal Man United u Wolves … draw u telfa għat-timijiet ta’ Ruma

(Ritratt: EPA)

Arsenal wettqu rimonta biex evitaw telfa kontra Standard Liege u spiċċaw 2-2. Samuel Bastien fetaħ l-iskor fis-47 minuta b’xutt imxellef biex il-Belġjani rduppjaw fid-69 minuta b’xutt ta’ Selim Amallah li wkoll ġie mxellef ftit. Alexandre Lacazette naqqas id-distakk fid-79 minuta b’daqqa ta’ ras mill-viċin biex żewġ minuti wara Bukayo Saka ġab id-draw wara li ħabbat il-ballun ma’ Gabriel Martinelli.

Manchester United kisbu t-tliet punti b’rebħa ta’ 4-0 kontra AZ Alkmaar b’gowls fil-bidu tat-tieni taqsima biex aċċertaw mir-rebħ tal-grupp. Huma fetħu l-iskor fit-53 minuta f’azzjoni maħduma tajba li fiha Nemanja Matic qassam b’intelliġenza lejn Juan Mata li xeħet kross li għadda tul il-lasta u spiċċa għand Ashley Young li skorja b’xutt fis-saqaf tax-xibka.

Manchester United irduppjaw ħames minuti wara b’xutt fil-baxx ta’ Mason Greenwood biex tliet minuti wara ngħataw penalty għal fawl fuq Greenwood li minnu Juan Mata ma żbaljax. L-iskor saħansitra sar 4-0 fl-64 minuta b’xutt fil-baxx ta’ Greenwood wara li rċieva mingħand Mata.

Wolves kisbu rebħa kbira ta’ 4-0 kontra Besiktas. Simili bħal Manchester United, l-erba’ gowls waslu kollha fi ftit ħin fit-tieni taqsima. Diogo Jota skorja darbtejn fit-58 u t-63 minuta, Leander Dendoncker għamilhom tlieta fis-67 minuta biex żewġ minuti wara Diogo Jota għaqqad it-tripletta personali.

Lazio li huma eliminati mill-kompetizzjoni tilfu wkoll l-aħħar logħba b’telfa ta’ 2-0 kontra Rennes. Joris Gnagnon skorja ż-żewġ gowls fil-31 u fis-87 minuta.

Roma spiċċaw fi draw ta’ 2-2 kontra Wolfsberger iżda kkwalifikaw. Diego Perotti minn penalty fetaħ l-iskor fis-seba’ minuta iżda awto-gowl ta’ Alessandro Florenzi tliet minuti wara għamel l-iskor indaqs. Edin Dzeko reġa’ poġġa lil Roma minn fuq fid-19-il minuta iżda Shon Weissman ġab id-draw fit-63 minuta.