Lokali

Erba’ rikoverati wara inċident serju fil-bypass ta’ Birkirkara

Erba’ persuni kellhom jittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li ż-żewġ karozzi li kienu fihom kienu involuti f’ħabta fi Triq Dun Karm, il-Bypass ta’ Birkirkara.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-19.00, meta seħħ impatt bejn waħda mill-vetturi ma’ arblu, bil-konsegwenza li din spiċċat man-naħa l-oħra tat-triq.

Kawża ta’ dan seħħ impatt ieħor bejn iż-żewġ vetturi; bejn BMW 320 misjuqa minn żagħżugħ ta’ 22 sena residenti l-Ħamrun u taxi tat-tip Hyundai Tucson misjuqa minn Somalu ta’ 36 sena residenti San Pawl il-Baħar.

Apparti x-xufiera, ġew rikoverati wkoll żewġ passiġġiera nisa; mara ta’ 22 sena residenti Tas-Sliema u oħra ta’ 27 sena residenti l-Mosta.

Kawża tal-inċident, iż-żewġ karreġġjati ta’ din it-triq prinċipali, kemm fid-direzzjoni tal-Imsida u dik lejn Birkirkara ngħalqu għat-traffiku.

S’issa għad mhix magħrufa l-kundizzjoni ta’ dawk involuti, għalkemm jidher li ż-żagħżugħ li kien qed isuq il-BMW jinsab f’qagħda serja.