Lokali

Riformi u Tiġdid – Għada l-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-PN

Il-Partit Nazzjonalista hu Oppożizzjoni propożittiva u se jkompli joħroġ proposti biex jara li pajjiżna jirriforma ruħu u li kulħadd igawdi mill-ġid komuni.

B’dan il-ħsieb, issejjaħ il-Kunsill Ġenerali Straordinarju, għall-Ġimgħa li ġej, bit-tema “Riforma u Tiġdid – Governanza Tajba u Demokrazija b’Saħħitha” u bl-ewwel prijorità tibqa’ l-interess nazzjonali.

Hekk spjega s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli f’intervista lil NET News, fejn spjega li l-Partit se jkun qed jippreżenta għadd ta’ proposti biex il-Gvern tal-ġurnata jkun aktar taħt skrutinju parlamentari.

Fosthom li l-persuni f’ċerti karigi importanti jkunu magħżula b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Kamra – bħall-President tar-Repubblika, il-Prim Imħallef u anke ċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir – bl-istess mod li Gvern Nazzjonalista kien daħħal din il-proċedura biex jintagħżlu persuni f’karigi bħall-Awditur Ġenerali.

Biex il-partiti politiċi, li għandhom sehem essenzjali fis-sistema demokratika tal-pajjiż, jibqgħu b’saħħithom, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi metodi biex jitneħħa kull ċans ta’ kunflitt ta’ interess.

Fost dawn b’finanzjament tal-Istat għax konxji li meta partit jgħix biss bid-donazzjonijiet, dawn jistgħu jwasslu għal xi kunflitt ta’ interess. L-istess fil-każ tal-Membri Parlamentari, li l-Partit Nazzjonalista qed jissuġġerixxi li għandhom ikunu politiċi full-time biex ikunu ta’ aktar servizz għall-poplu, filwaqt li jevitaw possibbiltajiet ta’ kunflitt ta’ interess minħabba l-impjieg tagħhom.

Clyde Puli għamel referenza wkoll għal proposti li jitrattaw il-media, fejn issuġġerixxa li x-Xandir tal-Istat għandu jkun imparzjali u awtonomu mill-Gvern, għalkemm finanzjat mill-Gvern. B’hekk, ikun jista’ jingħata spazju lil kulħadd, f’sens ta’ proċess demokratiku taħt għajnejn l-Awtorità tax-Xandir.

Kompla li l-Partit Nazzjonalista qed ikun kuraġġjuż meta jippreżenta dawn il-proposti għax lest anke jitlaq il-poter minn taħt idejh ladarba jerġa’ jkun fil-Gvern.

Iżda fuq kollox, dan il-Kunsill Ġenerali Straordinarju se jsir fl-isfond tal-avvenimenti drammataċi li qed iseħħu fil-pajjiż, fejn qed naraw xibka ta’ korruzzjoni li tipponta kollha kemm hi lejn l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.Qatt ħadd ma ħaseb li dawn l-irregolaritajiet setgħu qatt jippuntaw lejn Kastilja. Anke minħabba li, fl-2013, il-Partit Laburista ħa l-pajjiż f’idejh minn idejn Gvern Nazzjonalista li, f’25 sena għamel ġid kbir fl-Ekonomija, iżda wkoll fil-Governanza.