Lokali

“Il-protesti hemm bżonnhom” – Ranier Fsadni

Fsadni jwieġeb għad-dikjarazzjoni tad-Deputat Robert Abela l-protesti inbidlu fi provokazzjoni

Il-poplu illi jrid li pajjiżna ma jerġax jgħaddi minn kriżi simili għal dik li għaddejin minnha bħalissa, għandu jinsisti li Joseph Muscat jitlaq immedjatament.

Jiddikjara dan il-lettur fl-Università ta’ Malta u analista politiku Ranier Fsadni, li f’artiklu fit-Times of Malta jiddikjara li l-protesti huma bżonnjużi fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti.

Fsadni jghid li Joseph Muscat spiċċa diżgrazzjat għal tliet darbiet fi ftit jiem. L-ewwel meta, għal tliet snin sħaħ, żgura li nies perikolużi jkomplu joperaw qisu xejn mhu xejn.

Imbagħad minħabba l-imġieba tiegħu fil-pubbliku, fil-ġimgħat li għaddew, kif ukoll l-insistenza tiegħu li ma jirriżenjax immedjatament, minkejja li professjonisti, unions u imprendituri qalulu li qed jagħmel ħsara lil pajjżna.

Minflok, jinnota Ranier Fsadni, Joseph Muscat qed idur Malta u Għawdex għal farewell tour waqt li jilgħabha li hu xi martri u saħansitra jiddikjara li qed iġorr iktar responsabbiltà milli jmissu. Dan filwaqt li għadu jokkupa kariga f’Kastilja meta l-eks Chief of Staff tieghu jinsab taħt investigazzjoni.

Hu fid-dawl ta’ dan kollu li Fsadni jfakkar li f’demokraziji b’saħħithom, il-mexxejja jħallsu prezz għall-inkompetenza tagħhom jew meta jieħdu ġudizzju ħażin. Iżda f’Malta, Muscat qed jipprova jbellagħha lill-poplu li qed jagħmlilna xi pjaċir.

Ranier Fsadni jirrimarka li lanqas il-Partit Laburista mhu jirrikonoxxi din il-hsara, meta hu ovvju li pajjiżna għandu bżonn trattament xieraq biex ifieq.Għalhekk …jinsisti li l-protesti huma bzonjuzi, u jiddikjara li pajjiżna għandu bżonn nies li jaġixxu kontra min jittollera l-ksur tal-liġi …ghaliex qed nirriskjaw li titwitta t-triq għall-kriżi li jmiss jekk ma titteħidx azzjoni.