Internazzjonali

L-ELEZZJONI ĠENERALI FIR-RENJU UNIT: Jivvutaw għat-tielet darba f’inqas minn ħames snin

Net News jinsab LIVE minn Londra.

Ritratti/Filmat: Noel Zammit

Il-Prim Ministru li jmiss tar-Renju Unit se jiġi deċiż illum hekk kif miljuni qed jivvutaw f’elezzjoni li fetħet dalgħodu fis-7am u jagħlqu fl-10pm… bir-riżultat mistenni joħroġ sa nofsilejl, ħin tal-Ingilterra.

Il-Brittaniċi qed jivvutaw fit-tielet elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit f’inqas minn ħames snin – u r-raba’ f’għaxar snin.

Wara kampanja ta’ madwar 5 ġimgħat, in-nazzjon se jiddeċiedi jekk il-Prim Ministru attwali Boris Johnson tal-Partit Konservattiv jew Jeremy Corbyn tal-Labour huwx se jiffurmaw il-gvern għal ħames snin li ġejjin.

Min jitla’ se jkun qed jiddeċiedi l-futur tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea.

Total ta’ 650 kostitwenza parlamentari qed jiġu kkontestati fl-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq.

B’kollox hemm madwar 40,000 post tal-votazzjoni u matul il-ġurnata Net News kien preżenti f’xi wħud minnhom fosthom postijiet mhux tas-soltu li jinkludu diversi knejjes, pubs u salons tax-xagħar.

Meta jingħaddu l-voti kollha wara li jingħalqu l-elezzjonijiet, partit għandu bżonn 326 siġġu għall-maġġoranza fil-House of Commons… maġġoranza li jekk tiġi akkwistata mingħajr ma jserraħ fuq l-appoġġ minn partiti iżgħar, tagħmilha faċli biex jiġi deċiż il-futur tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea.

Din hija elezzjoni storika mhux biss għax hija dik li finalment se tiddeċiedi Brexit iżda għax hija l-ewwel elezzjoni ġenerali li qed issir f’Diċembru sa mill-1923 u l-ewwel elezzjoni fix-xitwa sa minn Frar 1974, meta dak iż-żmien Edward Heath u l-Konservattivi ġew megħluba mill-Partit Laburista ta’ Harold Wilson.

Mill-aħħar tliet elezzjonijiet ġenerali, fl-2010, l-2015 u l-2017, waħda biss – meta David Cameron rebaħ fl-2015 – ipproduċiet rebbħa ċara b’partit wieħed li żgura maġġoranza.

Il-favorit jibqa Boris Johnson fit-tmexxija tat-Torries iżda wieħed irid jistenna u jara x’se jkun it-turnout finali li jaf jaffettwa l-andament kollu.

Net News se nwasslu l-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat appena joħorġu l-exit polls, kif ukoll l-ewwel reazzjonijiet.

Din iż-żjara f’Londra hi possibbli grazzi għal Macdonald B&B London u Eurotours.

Net News jinsab preżenti flimkien ma’ media minn madwar id-dinja kollha preċiżament quddiem il-Parlament.