Internazzjonali

L-Alġerija: Vot għall-Presidenza fost protesti kbar

Eluf ta’ nies f’Alġeri ħarġu jipprotestaw fit-toroq fost għajjat ‘favur il-libertà’ u kontra l-elezzjoni li kienet qed issir għall-Presidenza tal-pajjiż.

Dan meta l-moviment tal-massa qed iqis l-elezzjoni bħala ‘eżerċizzju finta’, intiż biex l-elit fit-tmexxija jżommu r-riedni tal-poter fl-Alġerija li llum daħlet f’fażi kritika.

Inqalgħu numru ta’ inċidenti fil-kapitali, bil-pulizija tagħti s-salt lejn il-folol tad-dimostranti qabel irtiraw, u f’ħin meta aktar nies bdew jaslu fuq il-post biex jiżdiedu mal-miġemgħa.

L-Armata tal-Alġerija – li għandha l-akbar influwenza politika– qed tqis din l-elezzjoni bħala l-unika mezz għal sistema tal-ordni. Il-mexxejja militari jinsistu li dan jista’ isir biss bil-ħatra ta’ President ġdid minflok Abdelaziz Bouteflika, li kien tneħħa din is-sena waqt rewwixta popolari u wara li kien dam fil-poter għal 20 sena.

Intant, numru ta’ nies ivvutaw fiċ-ċentru ta’ Alġeri waqt li l-pulizija komplew bir-ronda fit-toroq.

Il-protesti kbar li niżżlu lil Bouteflika baqgħu għaddejjin għal għaxar xhur u d-dimostranti ħalfu li jibbojkottjaw din l-elezzjoni. Il-ħames kandidati approvati biex jikkuntestaw għall-Presidenza huma kollha eks-uffiċjali ewlenin tal-Istat ( fosthom żewġ eks prim ministri) u d-dimostranti qed jgħidu li mhux probabbli li xi ħadd minn dawn l-eks uffiċjali għandu jisfida d-dominju tal-Armata fl-Alġerija.

L-elezzjonijiet taħt Bouteflika, fil-parti kbira, ma kenux kompetittivi. Seħħew ukoll il-protesti barra l-kapitali, b’dimostranti fir-reġjun ta’ Kabylie jassedjaw post tal-votazzjoni fil-belt ta’ Bejaia fejn inqerdu l-kaxxi tal-vot. In-nies ħarġu wkoll fit-toroq ta’ Haizer, fost għajjat ta’ ‘Le għall-vot’.

Il-postijiet tal-votazzjoni f’xi zoni baqgħu magħluqin anki wara l-bidu uffiċjali tal-vot. Dan meta l-ewwel riżultati uffiċjali tal-elezzjoni mistennija joħorġu f’xi ħin għada.