Internazzjonali

L-ELEZZJONI ĠENERALI FIR-RENJU UNIT: L-aħħar diskorsi qabel tibda l-votazzjoni

Ħames ġimgħat ta’ kampanja fl-Ingilterra ntemmu ftit tal-ħin ilu… ftit sigħat oħra l-elettorat jibda jivvota.

Il-mexxejja tal-partiti żaru bosta partijiet tal-Ingilterra tul il-ġurnata bl-aħħar sforzi biex jiżguraw li jiksbu l-maġġoranza tal-voti.

Boris Johnson u Jeremy Corbyn ikkonkludew l-kampanja tagħhom inqas minn erba’ mili ‘l bogħod minn xulxin f’Londra, preċiżament fejn jinsab Net News bħalissa.

Johnson indirizza l-partitarji Konservattivi fil-Copper Box Arena f’Olympic Park. Huwa qal li r-riżultat tal-elezzjoni kien “viċin u issa jinsab aktar viċin” u ħeġġeġ lill-partit tiegħu biex isib kull vot li jista’ biex isalvaw lil pajjiż minn diżastru.

Waqt li kien qed jitkellem fuq il-klima u l-proposti tiegħu, il-Prim Ministru qal: “Ejja nkunu ħlisna mill-karbonju sal-2050 u ħlisna minn Corbyn sal-Milied.” “Ejja noħorġu mill-Unjoni Ewropea u nmexxu dan il-pajjiż inkredibbli ‘l quddiem flimkien.”

Matul il-ġurnata tal-Erbgħa, lejliet l-elezzjoni, il-Prim Ministru Johnson ivvjaġġa minn South Yorkshire, East Midlands u South Wales qabel indirizza r-rally finali f’Londra.

Il-mexxej tal-Konservattivi l-wegħda tiegħu li “jagħti l-Brexit” u l-Ingilterra titlaq mill-UE fil-31 ta’ Jannar li ġej.

Corbyn qal lill-partitarji Laburisti li r-Renju Unit qed jiffaċċja għażla “tassew storika.” “Għada tista’ tivvota għat-tama,” żied il-Mexxej Laburista.

“Tama għalik innifsek. Tama għall-familja tiegħek. Tama għall-komunità tiegħek. Tama għall-NHS tagħna. Tama għal pajjiżna… Ivvota għal bidla reali.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, għamel l-aħħar mili tal-kampanja fi Glasgow u Middlesbrough qabel ma vjaġġa lejn il-kapitali.

Il-mexxej tad-Demokratiċi Liberali Jo Swinson ikkonċentrat l-isforzi finali tagħha madwar Londra u Surrey, fejn il-partit tagħha qed jimmira lejn siġġijiet ewlenin.

Il-mexxej tal-SNP, Nicola Sturgeon, ippromwoviet kampanja favur il-kandidati tal-partit tagħha fl-Iskozzja. Hija qalet: “Din l-elezzjoni hija ċ-ċans tal-Iskozja li twaqqaf ħames snin minn gvern ta’ Boris Johnson u l-ħsara kollha li se jagħmel.”

Il-Mexxej tal-Partit Brexit Nigel Farage – li tkellem fil-mira tal-partit tiegħu f’Doncaster – esprima t-tama tiegħu li jkun hemm “xita qawwija ħafna” fil-belt ta’ South Yorkshire bit-tama li jnaqqas il-voti tal-partiti rivali.

L-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika jindika li naqas id-distakk tal-Lejber minn mal-Konservattivi. Għalkemm il-partit tal-Prim Ministru Boris Johnson għadu fil-vantaġġ.

Intant, dan is-sit se jkun qed jaġġornakom LIVE tul il-jum kollu tal-votazzjoni, fejn għada minn kmieni filgħodu inwasslulkom l-iżviluppi kollha li jkunu qed iseħħu fil-kapitali Londra.

Net News se nwasslu l-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat appena joħorġu l-exit polls, kif ukoll l-ewwel reazzjonijiet.

Din iż-żjara f’Londra hi possibbli grazzi għal Macdonald Hotel Kings Cross, Londra u Eurotours.