Edukazzjoni Lokali

L-għalliema jistħoqqilhom sigurtà u appoġġ fil-qadi ta’ dmirijiethom

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna kull forma ta’ vjolenza fuq għalliema u fl-iskejjel u jerġa’ jtenni li l-edukaturi jistħoqqilhom is-sigurtà kollha possibbli kif ukoll l-akbar appoġġ fil-qadi ta’ dmirijiethom fl-għoti tal-edukazzjoni lil uliedna. Dan wara l-aħħar każ li ġie rrappurtat fil-midja ta’ aggressjoni fi skola primarja.  

Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarju Ġenerali u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, l-Iżvilupp Uman u l-Ħiliet għas-Seklu 21, Clyde Puli,
il-PN jerġa’ jisħaq fuq il-bżonn ta’ miżuri ta’ sigurtà għall-għalliema u l-ħaddiema fl-iskejjel kollha f’pajjiżna. Dan ukoll fid-dawl tar-rapport tal-MUT, li kien juri kif kważi 90% tal-għalliema esperjenzaw xi tip ta’ aggressjoni fl-iskola tagħhom fl-aħħar sentejn. Proporzjon inkwetanti ta’ għalliema qalu f’dan l-istudju li jkollhom esperjenza ta’ vjolenza fl-iskola kuljum. Quddiem dan kollu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo baqa’ ċass u m’għamel xejn biex tiżdied is-sigurtà għall-għalliema.

Filwaqt li jikkundanna kull forma ta’ vjolenza fl-iskejjel, kemm-il darba l-Gvern mhux se jimpenja ruħu bis-serjetà, se nibqgħu nesperjenzaw kemm aktar riżenji mill-edukaturi kif ukoll inqas studenti li jagħżlu li jidħlu għal din il-karriera. Dan kollu juri nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-Gvern, li mhux qed jappoġġja lill-għalliema u lanqas mhuwa qed jinvesti fi klassijiet moderni, bir-riżultat li uliedna qed jispiċċaw jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fil-kontejners.