Lokali

“Ma nistgħux inkomplu fejn ħallejna” – Il-Ministru Evarist Bartolo

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo reġa’ kiteb fuq Facebook il-ħsibijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta’ kriżi f’pajjiżna. Il-Ministru Bartolo qal li jinsab mimli nkwiet u mimli tama.

Evarist Bartolo kompla jikteb li jinsab “Mimli nkwiet jekk wara nofs Jannar 2020 kulma se nagħmlu hu li nkomplu fejn ħallejna. Ma nkunu tgħallimna xejn. U dak li ġara, jerġa’ jiġri. U pajjiżna jogħdos ‘l isfel iżjed”

Fl-istess post hu kiteb li pero’ jinsab “mimli tama jekk din il-kriżi nibdluha f’opportunita` biex ninbidlu u nbiddlu dak li hemm bżonn jinbidel fil-partit, fil-gvern u fil-pajjiż”

Evarist Bartolo jistaqsi : “Kapaċi neħilsu mill-ħakma tan-nies tal-flus fuq nies fil-politika?”

“Kapaċi naraw li l-istituzzjonijiet għall-ħarsien tal-liġi, tar-regoli u proċeduri u tal-ġustizzja f’kull qasam jkunu mmexxijin minn nies ta’ integrita` u mhux jiġġebbdu minn dawk ta’ wara l-kwinti?”

Din il-post fuq Facebook tingħaqad ma’ sensiela ta’ posts oħra tal-Ministru Evarist Bartolo li fihom hu kiteb il-ħsibijiet tiegħu li pajjiżna jixraqlu aħjar u dan naturalment hekk kif fl-aħħar 3 ġimgħat ħarġu allegazzjonijiet serji li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat hu mpikat fl-assasinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.