Futbol Sport

Mġarr United ifittxu l-ewwel unur maġġuri fil-finali tas-Super Cup kontra Birkirkara

(Ritratt: Joe Borg)

Għada fl-4.30pm fl-Istadium Nazzjonali, Birkirkara u Mġarr United jiltaqgħu kontra xulxin fil-finali tas-Super Cup. Birkirkara rebħu kemm il-kampjonat kif ukoll in-knock-out filwaqt li Mġarr spiċċaw fit-tieni post fil-kampjonat. Fatt importanti hu li għall-ewwel darba din il-logħba se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali.

F’konferenza stampa lejliet il-konfront, il-plejer ta’ Birkirkara Kailey Willis qalet li l-fatt li l-logħba se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali hu pass ‘l quddiem għall-futbol tan-nisa. Hi żiedet li huma mhux biss se jippruvaw jirbħu l-unur iżda wkoll li jkollhom prestazzjoni pożittiva għal min se jmur biex jarahom.

Iż-żagħżugħa ta’ Mġarr United Haley Bugeja qalet li hi wkoll tinsab eċċitata għal din il-logħba storika u hi wkoll tittama li din il-logħba tkun ta’ vetrina għall-futbol tan-nisa.

Fl-aħħar tliet staġuni, Birkirkara rebħu l-kampjonat u n-knock-out iżda fl-istaġun li għadda huma kienu megħluba 3-0 minn Hibernians. Il-Karkariżi jibdew favoriti li jirbħu dan l-unur għall-ħames darba u jersqu tnejn bogħod minn Hibernians li hu l-aktar tim li rebaħ il-kompetizzjoni. Dan l-unur beda jintlagħab fl-2005 u minbarra Hibernians u Birkirkara, Mosta rebħu s-Super Cup tliet darbiet.

Mġarr United fl-aħħar snin urew progress iżda għadhom iridu jiksbu l-ewwel unur maġġuri wara li fl-aħħar żewġ staġuni kienu megħluba minn Birkirkara fil-finali tan-knock-out.