Lokali

”Mhux se nistrieħu qabel dawk kollha nvoluti fil-qtil jiffaċċjaw il-ġustizzja” – David Casa

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa

Dak li qed jagħmel il-Gvern Malti hu tradiment lill-poplu Malti. Mhux se nħalluh iseħħ. Mhux se nistrieħu qabel dawn il-kriminali jispiċċaw mill-poter u jiffaċċjaw il-ġustizzja.” Dan qalu l-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa waqt protesta organizzata mill-Komunità Maltija fi Brussell u Defend Democracy, quddiem ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fl-UE fi Brussell.

David Casa, li jifforma parti mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fir-rwol tiegħu ta’ Kwestur, spjega għaliex Malta m’għadiex pajjiż normali. “Ma’ kull minuta li tgħaddi fejn il-Prim Ministru jibqa’ fil-poter, qed issir aktar ħsara. Il-ġustizzja mhix titħalla sseħħ sakemm hu jibqa’ hemm,” insista Casa, li għal darb’oħra, talab għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Filwaqt li rringrazzja lill-President tal-Parlament Ewropew David Maria Sassoli għall-appoġġ tiegħu, David Casa spjega kif filwaqt li ħadd ma kellu dubju li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien assassinju politiku, ħadd ma kien jaf f’liema livell kien. “Issa nafu li dan l-att jibqa’ tiela’ ‘l fuq sal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u l-poplu Malti spiċċa ħallas parti minn dan il-qtil.”

Il-protesta kienet indirizzata wkoll minn Tom Gibson, mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, minn Oliver Money-Kyrle mill-International Press Institute, minn Ricardo Guiterrez mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti, minn Alice Stollmeyer minn Defend Democracy, u minn Andrew Caruana Galizia, iben Daphne Caruana Galizia.