Lokali

MILL-QORTI: “Keith Schembri kien lest jagħmel kollox biex jiddefendi lil Yorgen Fenech”

Jirreferu għal Joseph Muscat bħala "Ix-Xiħ"

Yorgen Fenech kien qallu b’mod ċar lil Melvin Theuma illi l-informazzjoni kollha li kien qed jirċievi kienet ġejja mingħand Keith Schembri. “Keith kien lest jagħmel kollox biex jiddefendi lil Yorgen Fenech”.

Din hija biss waħda mid-dikjarazzjonijiet xokkanti li ħarġu llum fil-Qorti hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Vince Muscat u l-aħwa Degiorgio, akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Waqt li kompliet tinstema’ ix-xhieda tal-middleman, hu spjega għaliex kien beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet li kien ikollu ma’ Yorgen Fenech. Filwaqt li spjega għaliex Keith Schembri issemma’ kemm-il darba.

“Kont qed nibża’ li t-tnejn li huma kienu qed jikkonfoffaw biex itajjruni min-nofs“, sostna Theuma.

Meta sar il-kontro-eżami mill-avukat Jason Azzopardi li qed jidher parte civile, ghall-familja Caruana Galizia saret referenza ghall-frazi “ix-xiħ” li tinstema’ fir-recordings… b’Theuma jiġi mistoqsi għal min kien qed jirreferi. Theuma qal li kien qed jirreferi għall-Prim Ministru billi spjega li kien se jiddiskuti ma’ Yorgen Fenech biex ikellem direttament lil Muscat.

Ix-xhud qal ukoll illi kien infurmat xahar qabel li kien se jiġi arrestat.

Fil-Qorti illum, Melvin Theuma żvela li kien hemm drabi meta saq lejn il-villa ta’ Keith Schembri fil-Mellieħa.

Theuma qal li qatt ma ħa flus jew ordnijiet mingħand Keith Schembri. Anzi, reġa’ insista li lanqas biss tħallas ċenteżmu għal dan l-assassinju brutali.

Il-Pulizija quddiem il-villa ta’ Keith Schembri

Il-middleman tkellem ukoll dwar il-famuż job li ingħata minn Kastilja, u stqarr “qatt ma applikajt għall-job mal-Gvern.” B’hekk, Melvin Theuma qed igiddeb lill-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar.

Theuma jsemmi wkoll lil ċertu Turab Mussajev, shareholder tal-konsorzju Electrogas mill-Azerbaijan, li bnew il-powerstation il-ġdida tal-gass f’Dellimara.