Internazzjonali

New Zealand: Determinati li jirkupraw il-vittmi tal-vulkan minkejja l-periklu

Il-pulizija fi New Zealand qed jippjanaw biex jirkupraw ‘l-aħħar katavri’ minn White Island, jiem wara l-iżbroff kbir tal-vulkan fuq dik il-gżira li kien qatel talanqas tmien persuni.

Il-missjoni kellha ssir minkejja l-periklu kbir mill-vulkan u meta l-awtoritajiet fis-settur ġeoloġiku ta’ New Zealand qed iwissu dwar ‘ċans ta’ bejn 50 u 60 fil-mija ta’ żbroff ġdid’, fi spazju ta’ 24 siegħa’. Dan waqt li l-vulkanoloġisti qablu li ‘il-ġurnata tallum hi anqas sikura minn tal-aħħar jumejn meta kollox għadu possibbli’.

Skont l-aħħar indikazzjonijiet għad fadal talanqas tmien persuni fuq il-gżira wara l-iżbroff ta’ nhar it-Tnejn mill-vulkan ta’ White Island. Qed jidher li ma salva ħadd minn dawn in-nies u bil-pulizija tisħaq li qed tippjana ‘biex tirkupra l-katavri mill-aktar fis’.

Tmien persuni oħra mietu bl-effetti tal-vulkan li beda jarmi l-ġmied f’ħin meta kien hemm il-gruppi tat-turisti fuq il-gżira – b’20 oħra qegħdin jinżammu l-isptar taħt kura intensiva.