Ekonomija Lokali

NIŻVELAW: Nuqqas ta’ qbil fl-MCESD dwar il-kriżi politika preżenti

Net News jista’ jiżvela li lbieraħ saret laqgħa tal-MCESD illi matulha l-membri ma waslux għal qbil dwar pożizzjoni komuni rigward il-kriżi politika preżenti.

Nhar it-Tnejn li għadda, il-membri tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) ħabbru li kienu qed iħejju dokument dwar x’inhu l-pass li jmiss isir, hekk kif pajjiżna qed jinżamm paralizzat fil-kriżi politika li għaddejjin minnha. Iżda issa, jidher li l-unions u l-Korpi Kostitwiti kellhom “differenzi” fuq kemm se tkun iebsa u diretta din il-pożizzjoni komuni li kellhom jieħdu.

L-MCESD kien wasal għad-deċiżjoni li jippubblika dokument komuni hekk kif il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li mhux se jkun qed jirriżenja qabel nofs ix-xahar id-dieħel minkejja t-talbiet li qed isirulu mis-soċjetà ċivili u diversi għaqdiet oħrajn.

Iċ-Chairperson tal-MCESD John Bencini kien qal li fil-jiem li ġejjin mistennija jindirizzaw konferenza tal-aħbarijiet biex jispjegaw il-pożizzjoni tagħhom – iżda din il-konferenza qatt ma waslet.