Ambjent Lokali Parlament Saħħa Xjenza u Teknoloġija

Proposti emendi ġodda dwar il-Kannabis

Sa mill-2015, kienu 3,064 il-persuni li nqabdu fil-pussess ta’ droga f’ammont li hu kkunsidrat bħala pussess sempliċi u għall-użu personali.

Dan wara li fil-Parlament, fl-2015 il-Gvern u l-Oppożizzjoni qablu dwar numru ta’ emendi relatati mal-pussess tad-droga.

Fost dawn l-emendi, dik li min jinqabad fil-pussess tad-droga jgħaddi quddiem tribunal immexxi minn social worker, u mhux quddiem Qorti, li joħroġ multa u mhux sentenza ta’ ħabs.

Mit-3,046 każ, 108 ntbagħtu quddiem il-Bord ta’ Riabilitazzjoni mmexxi mill-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello għaliex ikunu nstabu ħatja t-tieni darba f’temp qasir u allura jkun jinħass il-bżonn li jingħataw kura.

Mill-Qorti kien hemm 107 każ ieħor li ġie referut lill-Bord ta’ Riabilitazzjoni. Minn dawn kien hemm disgħa u tletin każ li ġie ddikjarat li ħelsu mill-vizzju, li jfisser li rebħu l-opportunità li quddiem il-Qorti jieħdu sentenza li ma tkunx bilfors waħda ta’ ħabs.

Qabel l-emendi, il-Qorti kienet marbuta li dawk involuti fiż-żewġ xenarji tibgħathom il-ħabs.

It-tielet riforma kienet li nħolqot distinzjoni bejn il-kannabis u drogi oħra: mill-2015 filfatt żdied il-limitu ta’ dak li jitqies bħala pussess sempliċi, bdiet tingħata multa flok sentenza ta’ ħabs u min jikkultiva pjanta waħda ma baqax jintbagħat il-ħabs.

Madankollu issa nħolqot problema oħra li l-Qrati talbu li tiġi indirizzata. Dan hekk kif hemm każi ta’ persuni li nqabdu jikkultivaw iktar minn pjanta waħda iżda l-iskop hu dak ta’ użu personali.

Għalhekk il-Gvern qed jipproponi li l-Qrati jingħataw id-diskrezzjoni li jiddeċiedu jagħtux multa, flok ħabs, lil persuni li jkunu qed jikkultivaw numru ta’ pjanti. Dan jekk il-Qorti tkun konvinta li dan hu għal skop personali.

Madankollu, s’issa, il-Gvern ħoloq l-abbozz tal-emendi iżda għadu ma kkonsulta ma’ ħadd.

“Aħna qed nippubblikaw l-abbozz, lill-midja, u naturalment minn issa, sakemm jiftaħ il-Parlament, se nkun qed nisma’ l-kummenti ta’ kulħadd.”

Il-Parlament mistenni jiddiskuti dawn l-emendi f’Jannar, wara l-waqfa ta’ żmien il-festi – wahda mill-itwal waqfiet fl-istorja tal-Parlament Malti, fl-eqqel ta’ kriżi politika.