Lokali

Pulizija midrub, 11 arrestati wara li qabbdu tinda u qajmu rewwixta f’Ħal Safi

Il-Pulizija arrestat 11-il immigrant residenti fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi wara li qajmu rewwixta, qabbdu tinda u saħansitra ferew uffiċjal tal-Pulizija.

Is-sitwazzjoni eskalat għall-ħabta tan-12:30 meta membri tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Safi wara rapporti ta’ nar li ħakem waħda mit-tined li jinsab f’dan is-sit.

Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ, bin-nar li ntefa’ ftit wara, bl-uffiċjali jirnexxielhom jikkontrollawh milli jkompli jinfirex.

Iżda s-sitwazzjoni kompliet teskala tant li qamet rewwixta, bil-Pulizija li marru fil-post biex fost l-oħrajn jitkellmu ma’ dawk preżenti jispiċċaw fil-mira. Tant hu hekk li uffiċjal weġġa’ wara li ntlaqat minn biċċiet tal-ħadid li twaddbu lejh.

Mill-inqas 11-il persuna qed jinżammu mill-Pulizija hekk kif ġew arrestati bl-għajnuna tal-uffiċjali tad-detenzjoni.