Lokali Qorti

Servizz fil-komunitá wara li pprova jaqbad għasafar meta l-istaġun kien magħluq

Żagħżugħ ta’ 21 sena mir-Rabat, Għawdex ġie ordnat iservi servizz fil-komunità għal perjodu ta’ 150 siegħa wara li ammetta li fis-17 ta’ Marzu tal-2017, għall-ħabta tal-4.30pm u fil-ħinijiet ta’ qabel kien qed jonsob għall-għasafar meta l-istaġun kien wieħed magħluq. Is-sentenza ngħatat mill-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex.

Johan Cefai ammetta quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li wettaq dan ir-reat waqt li kien qiegħed fl-inħawi magħrufa ta’ Trunċiera, fil-limiti tal-Qala, Għawdex. Il-Qorti ordnat ukoll li tiġi sospiża l-liċenzja dwar il-qbid tal-għasafar u dak kollu marbut magħha għall-perjodu ta’ tliet snin.

Huwa ammetta wkoll li fl-istess data, ħin, lok u ċirkostanzi ħa jew ipprova jiehu xi għasfur li huwa protett taht ir-Regolament dwar il-konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi, mhux skont dawn ir-regolamenti u mhux skont il-kundizzjonijiet ta’ kull liċenzja mogħtija bi ksur tal-liġi.

Cefai ma nsabx ħati li fl-istess data, ipprova jiehu xi għasfur billi uża xbieki bi ksur ta’ Regolament u li ħa jew prova jiehu xi għasfur permezz ta’ apparat li l-użu tiegħu huwa pprojbit.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri ddikjarat
li m’għandhiex prova dwar l-għasafar in kwistjoni u lanqas dwar l-apparat jew xbiek li nstabu fuq ix-xena.

Il-Qorti qalet li jirriżulta mill-affidavit tal-Kunstiabbli Bugeja li għalkemm ġew żarmati l-imnasab dawn kienu aramati mingħajr nassaba u għalhekk ma ġie ppruvat l-ebda konnessjoni bejn dawn u l-imputat.

Lanqas ma jirriżulta li kienu l-istess mnasab li jissemmew fir-rapport tal-CABS. Ghalhekk dawn l-akkużi ma ġewx sodisfaċentement ippruvati.
Il-Qorti ordnat ukoll li tingħata kopja ta’ l-Ordni ta’ servizz fil-komunità lil Cefai, lid-Direttur tal-Uffiċċju tal-Probation u Parole, lill-Uffiċċjal tas-Servizz tal-Komunità assenjat għall-każ mid-Direttur u lill-aġenziji u l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza ta’ l-Ordni tas-Servizz tal-Komunità.