Lokali

Tal-Kummissarju ma tantx niżlitlu tajjeb lil Ian Borg

Il-Ministru Ian Borg lanqas biss irid jemmen li l-Mexxej li jmiss tal-Partit Laburista, ikun min ikun, m'għandux fiduċja fil-Kummissarju

Il-Ministru Ian Borg lanqas jista’ jemmen li jkun min ikun il-mexxej li jmiss tal-Partit Laburista, m’għandux fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija. Dan wara li, kemm Robert Abela u Chris Fearne, waqt il-programm Dissett u lil Lovin Malta, qalu li kif jilħqu se jneħħu lill-Kummissarju.

Iżda Ian Borg, li qal li ma rax il-programm, ħasibna vvintajniha aħna.

“Nimmaġina li mhux hekk eżattament. Jiġifieri tipikament ta’ Net News tikkwotaw kif jaqblilkom. Qalu li se jneħħu lill-Kummissarju, it-tnejn. Mhux Net News irrapurtatha. Imma jien ma noqgħodx fuq li tgħidli int, jew Net News.”

Dan hu dak li qalu kemm Robert Abela u Chris Fearne.

“Hu minn ewl id-dinja li dik ir-riforma trid issir fil-kuntest li l-flagship position tkun okkupata minn persuna ġdida.” – Robert Abela

“The current Police Commissioner would have have to subject himself to two thirds approval of Parliament. Yes. Why not?!” – Chris Fearne

Iżda Ian Borg ma jaqbilx mal-mexxej tiegħu li jmiss, ikun min ikun, u jteni fiduċja fl-awtoritajiet.

“Naħseb li l-istituzzjonijiet u li l-Pulizija qed tagħmel biċċa xogħol tajba mhux qed jgħidu Ian Borg imma qegħdin jgħiduh il-MEP li kellhom il-ċans jiltaqgħu ma’ min qed jinvestiga d-diversi każijiet.”

Ian Borg lanqas hawn ma jaqbel ma’ dak li qal Robert Abela, li ddikjara li mhux sodisfatt bil-mod ta’ kif saru l-investigazzjonijiet dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“Hemm irkejjen mill-investigazzjoni li lili, ma jissodisfawnix bil-mod kif ġew investigati.”

Intant, fl-ahhar sighat, anke l-Ministru Evarist Bartolo rega’ kiteb pubblikament fuq Facebook fejn stqarr li jinsab mimli inkwiet – ghaliex jibza’ li wara Jannar, il-Lejber ma jkun tghallem xejn.