Lokali Transport

Tinfetaħ it-tielet flyover

Wara l-kontroversja dwar il-ħofra li feġġet f’waħda mill-flyovers xi ġimgħat ilu, issa anke l-Ministru Ian Borg spiċċa jiddieħaq bl-expansion joints

Il-flyover li minn Aldo Moro tagħti lejn Santa Luċija issa tinsab miftuħa għat-traffiku, waqt li ġew eliminati t-traffic lights li kien hemm fl-inħawi tal-Addolorata u li kienu ġew introdotti lura fl-1997, jiġifieri 22 sena ilu.

Għall-ewwel ftit xhur, din il-konnessjni ġdida se tintuża fid-direzzjoni tan-nofsinhar tal-pajjiż; jiġifieri mill-Marsa lejn it-telgħa tal-Addolorata.

Fl-istess waqt se jingħalqu l-korsiji li bħalissa jintużaw għal din ir-rotta biex ikunu jista’ jsir ix-xogħol fuq erba’ flyovers oħra li fadal isiru. Ladarba dawn ikunu lesti, it-tielet flyover li nfetħet se tkun tista’ tintuża wkoll fid-direzzjoni finali tagħha, lejn Aldo Moro.

Din il-flyover ġdida ta’ 227 metru tinkludi 65 travu tal-konkos, jew żewġ grawnds tal-futbol, u togħla erba’ sulari u nofs. Għaliha ntużaw 9,225 tunellata konkrit, 1,225 tunellata azzar u 1,111-il tunellata t’asfalt.

Ix-xogħol fuq is-seba’ flyovers li jridu jinbnew fl-inħawi taċ-Ċimiterju tal-Addolorata u li x-xogħol fuqhom mistenni jkun lest sa tmiem l-2020, qed isir b’ko finanzjament ta’ fondi Ewropej.

Sadattant, wara l-kontroversja dwar il-ħofra li feġġet f’waħda mill-flyovers xi ġimgħat ilu, issa anke l-Ministru Ian Borg spiċċa jiddieħaq bl-expansion joints.