Rapport: Stewart Said
HIBERNIANS……… 2
GŻIRA U…………….. 0
Hibernians: M. Jovicic, J. Mbong, L. de Silveira, A. Agius, F. Apap, G. Artiles, D. Vella, B. Kristensen, J. Grech (J. Degabriele 78’), I. Iriberri (M. Beerman 89’), T. Groothusen (J. Wemmer 75’)
Gżira: J. Haber, J. Corbalan, R. Soares (C. Gatt Baldacchino 49’), F. Barbosa, A. Oyama, Z. Scerri, N. Muscat, G. Conti, H. Kone, A. Samb, J. de Assis
Imwissija: J. de Assis 4’, F. Barbosa 33’, J. Corbalan 62’ (G), L. de Silveira 35’, A. Agius 38’ (H)
Tkeċċa: B. Kristensen 37’ (H), J. de Assis 53’, F. Barbosa 67’ (G)
Skorjaw: A. Agius 58’, J. Degabriele 80’ (H)
Referee: Matthew Degabriele
Assistenti Referees: Alan Camilleri, Ivan Galea
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Andrei Agius (Hibernians)
BOV Plejer tal-logħba: Andrei Agius (Hibernians)
Attendenza: 671
Hibernians komplew il-forma pożittiva tagħhom b’rebħa ta’ 2-0 kontra Gżira United f’konfront dirett li kien karatterizzat minn diversi episodji li ħallew impatt fuq l-andament tal-logħba. Gżira probabbilment se jkunu l-aktar li jipprotestaw wara li fit-tieni taqsima sfaw jilagħbu b’disa’ plejers wara li fl-ewwel taqsima tkeċċa Bjorn Kristensen għal Hibernians. Din it-telfa tista’ tara d-distakk minn mal-leaders Floriana jitla’ għal sitt punti.
L-aħjar azzjoni ta’ Gżira fl-ewwel taqsima seħħet fis-27 minuta b’azzjoni personali fuq ix-xellug ta’ Jefferson de Assis li b’xi mod qabeż lil Andrei Agius iżda x-xutt perikoluż ġie mdawwar f’korner minn Marko Jovicic. Il-logħba ħadet żvolta fis-37 minuta meta r-referee Matthew Degabriele wera l-karta l-ħamra lil Bjorn Kristensen għal xi rimarki li għadda, deċiżjoni li qajmet protesti kbar mill-plejers ta’ Hibernians.
Ironikament l-aħjar ċans qabel tmiem l-ewwel taqsima wasal fuq in-naħa ta’ Hibernians b’xutt fil-baxx ta’ Andrei Agius li ġie mdawwar f’korner bi bravura ta’ Justin Haber. Wara li tilfu lil Rodolfo Soares li weġġa’, Gżira wkoll kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas fit-53 minuta meta Jefferson de Assis ġie muri t-tieni karta safra għal fawl fuq Imanol Iriberri.
Il-Pawlisti ħadu vantaġġ u skorjaw l-ewwel gowl fid-59 minuta meta minn korner ta’ Gabriel Artiles, daqqa ta’ ras ħabtet ma’ sieq il-lasta u l-ballun spiċċa għand ANDREI AGIUS li kkontrolla u għeleb lil Haber b’xutt djagonali fil-baxx għar-rokna. Il-Maroons sfaw anki jilagħbu b’disa’ plejers għal fawl f’nofs il-grawnd tad-difensur Fernando Barbosa li ntwera wkoll it-tieni karta safra. Minn dak il-ħin, il-logħba kienet għat-telgħa għat-tim ta’ Giovanni Tedesco.
Ċans għal Hibernians fil-71 minuta meta minn kontrattakk, Jake Grech qassam lejn Imanol Iriberri li xxuttja fil-lasta iżda Haber kien attent u salva. Il-Pawlisti għalqu l-logħba fit-80 minuta b’kontrattakk ieħor li minnu Iriberri qassam lejn JURGEN DEGABRIELE li avvanza u b’diversi finet għamel spazju għalih biex skorja b’xutt fir-rokna ta’ fuq, f’dak li kien l-ewwel gowl għalih minn meta rritorna mill-injury.
Lejn it-tmiem, Gżira kellhom iċ-ċans li jnaqqsu d-distakk meta ngħataw penalty wara li d-daqqa ta’ ras ta’ Niki Muscat ħabtet ma’ id Jens Wemmer. Iżda l-penalty ta’ Amadou Samb ġie salvat minn Jovicic.
//= $special ?>