Futbol Sport

Birkirkara jirritornaw għar-rebħ b’żewġ gowls fl-ewwel taqsima

(Ritratt: Trevor Sollars)

Rapport: Rowen Camilleri

BIRKIRKARA……. 2

SIRENS…………….. 0

Birkirkara: A. Hogg, E. Pepe, M. Guillaumier, M. Vella, J. Bezzina (T. Agius 75’), K. Zammit, F. Falcone (M. Mifsud 34’) (L. Dos Santos 46’), C. Attard, C. Prado, O. Carniello, I. Ntow

Sirens : D. Cassar, R. Grech (R. Fenech 88’), W. De Oliveira, R. Dos Anjos, E. Okoye, A. Borg, I. Adeshina, Y. Tagro (L. Sciberras 71’), R. Romao, L. Memezes, T. Espindola

Imwissija: L.Memezes 14’ E. Okoye 47’ (S), M. Guillaumier 20’, M’ Vella 81’ (B)

Skorjaw: F. Falcone 10’, C. Attard 25’ (B)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Duncan Sultana, Darko Stankovic

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Isaac Ntow (Birkirkara)

BOV Plejer tal-logħba: Isaac Ntow (Birkirkara)

Żewġ gowls fl-ewwel taqsima minn Federico Falcone u Cain Attard kienu biżżejjed biex it-tim imexxi minn Andrè Paus irritorna għar-rebħ u ħa ftit tan-nifs fil-klassifika, Fuq in-naħa l-oħra Sirens sofrew l-ewwel telfa wara ħames partiti fiż-żewġ kompetizzjonijiet.

Żewġ bidliet għal Birkirkara fejn minflok Yannick Yankam u Jeferson Ferreira, li bdew fit-telfa ta’ 2-1 kontra Sliema, Paus beda lil Cain Attard u lil Johann Bezzina rispettivament. Steve D’Amato għamel bidla biss mill-11 inizjali li għelbu lil Tarxien 3-0 fejn minflok Daniel Sant, fid-difiża beda l-Brażiljan Raphael Dos Anjos. Sirens kellhom nieqes lil Flavio Cheversan li kien qed jiskonta logħba sospensjoni.

Birkirkara fetħu l-iskor wara 10 minuti meta Isaac Ntow daħal fil-kaxxa u prova xutt li kien milqugħ minn Cassar, bil-ballun jispiċċa f’saqajn FEDERICO FALCONE li kompla għal ġewwa. Eżattament kwarta wara l-Istripes irduppjaw meta CAIN ATTARD ixxuttja minn tarf il-kaxxa bil-ballun ġie mxellef minn Dos Anjos li qarraq b’David Cassar u spiċċa fix-xibka.

L-ewwel tentattiv lejn il-lasta minn Sirens wasal wara 25 minuta meta Memezes prova xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa li iżda kien faċli wisq għal Andrew Hogg. Fit-38 minuta Ige Adeshina tefa’ ballun fit-tul lil Wellington De Oliveira li avvanza iżda x-xutt tiegħu għadda barra.

Fl-34 minuta Maurizio Vella mar viċin meta wara li rċieva pass mingħand Ntow, prova xutt fil-baxx li għadda jħakkek mal-wiefqa. Ftit sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima Sirens kellhom ċans tajjeb meta fl-ewwel tentattiv Memezes ra x-xutt tiegħu jiġi milqugħ minn Hogg, bil-ballun jaqa’ f’ saqajn Adeshina li x-xutt tiegħu ukoll ġie salvat minn Hogg għat-tieni darba fl-istess azzjoni.

Sirens mill-ewwel urew titjib fit-tieni taqsima u fit-53 minuta minn free-kick mix-xellug, Ryan Grech tefa’ kross fil-kaxxa li sab lil Adrian Borg li bir-ras impenja lil Hogg, b’dan tal-aħħar ikollu b’diffikultà jdawwar f’korner. Fis-67 minuta, ċans għal Birkirkara meta minn pass ta’ Johann Bezzina, Luis Dos Santos  avvanza u x-xutt tiegħu kien salvat tajjeb minn Cassar.

Żewġ minuti wara Birkirkara regħu fl-attakk, b’Luis Dos Santos iġib lil Ntow wiċċ imb wiċċ ma’ Cassar b’dan tal-aħħar għal darb’ oħra jsalva tajjeb b’siequ. Fit-88 minuta, Birkirkara kellhom ċans tajjeb li jiskorjaw it-tielet gowl meta minn kontrattakk, il-Plejer tal-logħba, Isaac Ntow ħarab tajjeb u qassam lejn Dos Santos li x-xutt tiegħu ġie salvat bi bravura minn David Cassar.