Lokali

Carer mill-Pakistan jingħata l-Premju Ħaddiem tas-Sena 2019 fir-Residenza San Vinċenz de Paul

Il-Premju Ħaddiem tas-Sena 2019 fir-Residenza San Vincenz de Paul intrebaħ mill-carer Farman Ullah, carer mill-Pakistan li ilu jaħdem f’San Vincenz għal dawn l-aħħar erba’ snin. 

Filwaqt li s-Sur Ullah rebaħ ukoll il-Premju Ħaddiem tas-Sena fis-settur tal-Kura wara ammont ta’ nominazzjonijiet li rċieva, il-premju annwali fil-qasam tal-kura ġewwa San Vincenz de Paul m intrebaħ mill-infermiera Maria Carabott. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz Dr Josianne Cuatjar irringrazzjat lill-ħaddiema ta’ San Vincenz għaliex mingħajr l-enerġija u entużjazmu tagħhom, l-anzjani ma jkunux qed jgħixu l-kwalità tal-ħajja kif xieraq. 

Intant, waqt is-serata ngħataw iktar premijiet f’diversi oqsma, fosthom il-Premju Tim tas-Sena 2019, li ntrebaħ mit-taqsima tal-amministrazzjoni tal-infermiera, filwaqt li l-Premju Ħaddiem Onorarju mogħti mill-Kap eżekuttiv ta’ San Vincenz Dr Josianne Cutajar intrebaħ mill-eks ħaddiem ta’ San Vincenz John Attard. Lucienne Gatt li taħdem fit-taqsima tal-laundry rebħet il-Premju Ħaddiem tas-Sena fis-settur tas-Sapport.

Waqt is-serata ngħataw ukoll premjijiet oħrajn, fosthom Premju għall-Aqwa Prattika għal Tolleranza Zero fuq ‘Sacral Pressure Ulcers’ li ntrebaħ mis-sala San Ġuzepp 3, Premju għall-Aqwa Prattika fl-Iġene tal-Idejn mirbuħ mis-sala San Ġuzepp 8, Premju għall-Aqwa Prattika fil-Kura għall-Kontinenza li ntrebaħ minn Sala San Franġisk 3, Premju għall-Aqwa Prattika fl-Attivitajiet għar-Residenti li jbatu mid-Dimensja li ntrebaħ  minn Sala San Ġużepp 10, Premju għall-Aqwa Prattika fin-Nutrizzjoni, li ntrebaħ minn Sala Madre Tereża 2, u Premju għall-Aqwa Attiviajiet għall-Anzjanità Attiva li ntrebaħ mis-Sala San Ġwanni Pawlu 3. 

Il-bord tal-għażla kien immexxi mill-Assistent Direttur f’San Vinċenz Karen Muscat, u l-membri Rita Calleja, Joseph Fava u Maria Muscat.