Futbol Sport

Gżira United ifittxu rebħa u telfa ta’ Floriana biex jilħquhom fi tmiem l-ewwel rawnd

Dunstan Vella jiddefendi l-ballun minn Andrew Cohen (Ritratt: Martin Agius)

Bejn illum u l-Ħadd jintemm l-ewwel rawnd tal-Kampjonat Premier b’konfronti interessanti kemm fin-naħa ta’ fuq kif ukoll fin-naħa ta’ isfel. Id-dwell bejn Hibernians u Gżira United hu l-aktar wieħed li jispikka iżda ż-żewġ logħbiet tal-Ħadd bejn Sliema Wanderers u Floriana kif ukoll dak bejn Ħamrun Spartans u Valletta. Tarxien se jkomplu jfittxu l-ewwel punti kontra Senglea Athletic filwaqt li Mosta jippruvaw itemmu s-sensiela ta’ erba’ rebħiet konsekuttivi.

Hibernians v Gżira U.

Din il-logħba titqies bħala l-konfront tal-ġimgħa. Għalkemm kienu eliminati mill-FA Trophy, Gżira United kisbu seba’ rebħiet mill-aħħar tmien logħbiet u fil-preżent huma l-eqreb rivali tal-leaders Floriana.

Hibernians kellhom bidu ftit diffiċli iżda l-prestazzjonijiet u r-riżultati tal-aħħar logħbiet, inisslu fiduċja li Hibernians jistgħu jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat fit-tieni rawnd. Fil-kampjonat, Hibernians ġejjin minn rebħa kontra Sliema Wanderers u Balzan kif ukoll draws kontra Floriana u Valletta.

Ħamrun S. v Valletta

Id-draw fl-aħħar konfront kontra Hibernians, jagħmel il-logħba tal-Ħadd li Valletta għandhom kontra Ħamrun Spartans imperattiv li minnha jiksbu t-tliet punti. Fil-preżent huma jinsabu sitt punti wara l-leaders u għandhom bżonn sensiela ta’ rebħiet konsekuttivi biex jibqgħu fit-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat.

Ir-rivalità bejn iż-żewġ timijiet tagħmel dan il-konfront speċjali aktar mill-oħrajn. Ħamrun naqqsu r-ritmu li bdew il-kampjonat bih u fl-aħħar ħames logħbiet kisbu biss erba’ draws u telfa, bl-aħħar rebħa għalihom fil-kampjonat tmur lura għal kważi xahrejn ilu.

Sliema W. v Floriana

Il-leaders Floriana se jkunu jafu r-riżultat ta’ Gżira United u għalhekk se jkollhom iċ-ċans li jew iżommu l-vantaġġ ta’ tliet punti jew ikabbru d-distakk. Huma jibdew favoriti fid-derby l-antik ta’ Malta iżda għandhom konfront li hu delikat.

Dan għaliex Sliema Wanderers qegħdin fl-aħjar forma tagħhom f’dan l-istaġun. Huma bdew fuq nota ħażina u anki kienu fil-post ta’ qabel tal-aħħar għal xi żmien. Iżda fl-aħħar ġimgħat huma għelbu lil Ħamrun Spartans, Santa Lucia u Birkirkara rispettivament.

Birkirkara v Sirens

It-telfa fl-aħħar logħba kontra Sliema Wanderers, reġgħet tefgħet dubji fuq Birkirkara hekk kif ma jistgħux jitilgħu fl-ewwel nofs tal-klassifika. Huma kienu ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat u rebħa oħra fl-FA Trophy u deher li ftit ftit kienu qed isibu l-forma tagħhom.

Jekk jinsabu f’inċertezza, l-agħar tim li jistgħu jaffrontaw huma Sirens. Hu fatt magħruf li t-tim minn San Pawl il-Baħar hu s-sorpriża pożittiva tal-kampjonat. It-tim ta’ Steve D’Amato jinsab fit-tielet post fil-kampjonat u skont l-andament tagħhom, ma tkunx sorpriża li jerġgħu jiksbu l-punti. F’dan l-istaġun, huma għelbu lil Hibernians, Balzan, Gżira United u kisbu draw kontra Valletta.

Santa Lucia v Balzan

Żewġ punti mill-aħħar tmien logħbiet. Dawn huma r-riżultati ta’ Santa Lucia li bihom jinsabu fil-post ta’ qabel tal-aħħar. Il-konfront kontra Balzan jitqies imperattiv għalihom biex jiksbu l-punti u jqattgħu l-jiem ta’ mistrieħ b’aktar ottimiżmu.

Jekk il-prestazzjonijiet ta’ Santa Lucia ma kinux daqshekk negattivi, Balzan kellhom riżultati mhux konsistenti hekk kif jinsabu 13-il punt bogħod mill-quċċata u darba biss kisbu żewġ rebħiet konsekuttivi.

Mosta v Gudja U.

Gudja United hu l-aktar tim fil-forma bħalissa f’dan il-konfront. L-ewwel rebħa fil-kampjonat kontra Birkirkara wara disa’ logħbiet nisslet fiduċja fit-tim ta’ Josef Mansueto hekk kif minn dakinhar kisbu żewġ rebħiet u draw biex telgħu fid-disa’ post fil-kampjonat.

Mosta kellhom andament ta’ kampjonat totalment bil-kontra hekk kif wara tmien logħbiet kellhom 13-il punt u kienu jinsabu f’nofs il-klassifika. Iżda sofrew erba’ telfiet konsekuttivi kontra Floriana, Balzan, Valletta u Gżira United biex niżlu fl-għaxar post.

Senglea A. v Tarxien R.

Iż-żewġ timijiet għandhom bżonn il-punti għal raġunijiet differenti. L-aktar fil-bżonn huma Tarxien Rainbows li għadhom mingħajr punt wara 12-il logħba u rebħa f’dan il-konfront, tgħinhom biex isaħħu t-tamiet li jagħmlu miraklu sportiv u jsalvaw.

Senglea ġejjin minn prestazzjonijiet sodisfaċenti iżda jridu jdawru dawn il-wirjiet f’rebħ ta’ punti, hekk kif it-timijiet ta’ madwarhom qed jiksbu l-punti u jitilgħu fil-klassifika. It-tim taħt it-tmexxija ta’ Mario Muscat ġej minn tliet telfiet konsekuttivi kontra Valletta, Gżira United u Gudja United.