Lokali

Joseph Muscat kuntent bid-deċizzjonijiet li ħa

Xahar qabel ma jkun elett Mexxej ġdid tal-Partit Laburista, matul il-Maratona Ġbir ta’ Fondi, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu kuntent bid-deċiżjonijiet li ħa fl-aħħar 11-il sena.

Din id-dikjarazzjoni ta’ Muscat fuq l-istazzjon Laburista tfakkar lil ħafna f’uħud mid-deċiżjonijiet kontroversjali tiegħu – l-ewwelnett l-għażla ta’ Keith Schembri bħala ċ-Chief of Staff tiegħu u li baqa’ sal-aħħar jgħid li kien ta’ asset għalih.

Muscat kien l-istess li approva deċiżjonijiet bħall-bejgħ ta’ tliet Sptarijiet Pubbliċi lil Vitals Global Healthcare, li jbigħ iċ-Ċittadinanza lil barranin li ma nafu xejn dwarhom, li għalaq għajnejh quddiem diversi skandli ta’ Ministri tiegħu – fosthom tad-Deputat Mexxej Chris Cardona u ż-żjara tiegħu f’Acapulco, kif ukoll li Muscat il-Prim Ministru waqqa’ kawża ta’ miljuni ta’ ewro kontra Muscat il-Mexxej Laburista fil-każ tal-Australia Hall.

Deċiżjonijiet oħra li Muscat jidher li se jibqa’ kuntent bihom jinkludu l-ftehim jintenn mal-iżviluppaturi Ġordaniżi fil-Kottonera, li għalaq għajnejh u bierek il-ftuħ tal-kumpaniji Egrant, Hearnville u Tillgate fil-Panama, li kellhom jirċievu 5,000 ewro kuljum kull waħda minn 17 Black – miftuħa minn Yorgen Fenech fil-Panama wkoll.

Min-naħa tagħha, issa li żewġha se jispiċċa mix-xena politika, Michelle Muscat fetħet il-kanuni kontra l-media indipendenti … li skont hi, dejjem attakkat lill-Partit Laburista.

Hi ftaħret li żewġha għalaq lill-Partit Laburista u fetaħ Moviment … filwaqt li skont hi, ir-riċetta ta’ Joseph għandha tintiret mill-Mexxejja futuri tal-Labour.

Michelle Muscat qalet li hi u żewġha jinsabu sereni …

U minkejja d-dell politiku li għandu jsegwih, Muscat xorta qal li jrid jagħti l-pariri lil Robert Abela u lil Chris Fearne.