Futbol Sport

Jurgen Klopp iġedded il-kuntratt ma’ Liverpool

(Ritratt: Liverpool FC)

Jurgen Klopp estenda l-kuntratt tiegħu ma’ Liverpool sal-2024. Il-kowċ ta’ 52 sena ngħaqad ma’ Liverpool f’Ottubru tal-2015 u kien f’Ġunju li għadda li rebaħ l-ewwel unur tiegħu mal-klabb. Dakinhar huma għelbu lil Tottenham fil-finali tal-UEFA Champions League biex f’Awwissu mexxa lil Liverpool għar-rebħ tal-UEFA Super Cup.

Fl-istaġun li għadda, Liverpool kienu qrib li jirbħu l-Premier League u għalkemm temmew il-kampjonat b’97 punt, spiċċaw punt taħt Manchester City. Iżda f’dan l-istaġun, Liverpool iddominaw il-Premier League hekk kif għandhom vantaġġ ta’ tmien punti u huma l-favoriti li jirbħu l-ewwel kampjonat tagħhom mill-1990.

“Meta nara l-iżvilupp tal-klabb u x-xogħol kollaborattiv li qed ikompli jsir, inħoss li l-kontribuzzjoni tiegħi tista’ biss tikber. Meta waslet it-telefonata fil-ħarifa tal-2015, ħassejt li konna perfetti għal xulxin u jekk xejn issa nħoss li ssottovalutajt dan il-fatt,” qal il-Ġermaniż.

Tags