Internazzjonali

Libja: Fruntiera tal-baħar mat-Turkija mfissra bħala ‘illegali u provokattiva’

Ftehim li jiffissa l-fruntieri marittimi u li ntlaħaq bejn il-Libja u t-Turkija qed jitqies bħala ‘illegali u provokattiv’,  kif ukoll bħala pass li joħloq in-nuqqas ta’ stabbiltà għar-reġjun inkwistjoni.

Dan qalu l-President tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), Donald Tusk, waqt laqgħa li kellu mal-Prim Ministru tal-Greċja, Kyriakos Mitsotakis, u li saret wara l-kwinti ta’ jumejn laqgħat tal-Kunsill Ewropew.

Mitsotakis aġġorna lil Tusk dwar l-attivitajiet tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran, kif ukoll dwar il-ftehim inkwistjoni għall-fruntiera marittima li Ateni tikkunsidrah invalidu.

Min-naħa tiegħu, Donald Tusk esprima l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Greċja waqt li kkummenta li t-Turkija għandha tirrispetta l-liġi tal-baħar u r-regoli ‘għal relazzjonijiet tajbin’ mal-Istati ġirien bħall-Greċja u pajjiżi oħra.

Fl-istess ħin, l-Armata Libjana tal-Lvant, ta’ Khalifa Haftar,  li qed tmexxi offensiva fuq Tripli, wissiet li għandha tgħarraq kwalunkwe bastiment tat-Turkija li jidħol fin-naħa Libjana tal-fruntiera marittima. Ingħad li d-direttiva ngħatat speċifikament minn Haftar li lest jieħu azzjoni anki fil-konfront tal-vapuri għal riċerka.

Ftit tal-jiem ilu, il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, iddikjara li pajjiżu lest li jibgħat it-truppi lejn il-Libja f’każ li jitlob hekk il-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali mmexxi mill-Prim Ministru Fayez al-Sarraj, li hu l-avversarji qalil ta’ Haftar.

Il-Gvern ta’ Sarraj u t-Turkija, f’Novembru, iffirmaw memorandum bħala ftehim li jesiġi koperazzjoni militari minbarra li jiffissa z-zoni marittimi bejn il-pajjiżi. Il-ftehim anki jipprovdi għall-possibbiltà li jittellgħu il-minerali fiz-zona ekonomika esklussiva tal-Libja.