Lokali

Malta hi akbar mill-gang li ġabet lil pajjiżna fl-istat li jinsab fih illum – George Vella

Ir-Repubblika ta’ Malta hi ferm akbar mill-gang li ġabitna f’din is-sitwazzjoni. Għax magħkom jien muġugħ u naqsam l-ansjetà.

Kliem il-President ta’ Malta George Vella fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika, waqt iċ-ċerimonja tal-investitura tal-Unuri għall-Qadi tar-Repubblika.

George Vella beda billi nnota kif wieħed kien jistenna li f’din l-okkażjoni nitkellmu dwar it-triq li pajjiżna mexa fl-aħħar 45 sena u t-triq ‘il quddiem. Madankollu, saħaq li bħalissa pajjiżna għaddej minn ċirkostanzi partikolari li jixirqilhom l-attenzjoni tagħna.

Il-Kap tal-Istat qal li min wassalna f’din is-sitwazzjoni ma kienx qed jaħdem għall-ġid tal-poplu Malti u li dak li sar qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat. Hu rrefera għal aktar minn darba għall-fatt li dan kollu wasal wara l-assassinju tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li qal li rridu naħilfu biex naraw li att bħal dan ma jerġax iseħħ.

Filwaqt li qal li dawn il-ġranet huma koroh għal kulħadd, il-President appella diversi drabi għall-għaqda nazzjonali. Appella wkoll lill-poplu f’użu xieraq tal-media soċjali, kif ukoll lill-ġurnalisti biex jirrealizzaw ir-responsabbiltajiet kbar li jġorru f’kitbithom.

Dan filwaqt li rrikonoxxa d-dritt tal-poplu li jesprimi fehmtu bil-libertajiet kollha li ttih il-Kostituzzjoni.

Min-naħa l-oħra, lill-Membri Parlamentari appellalhom biex jiftakru fid-dover tagħhom li jilleġiżlaw biex jissaħħu l-istituzzjonijiet tal-pajjiż biex naraw li ssir ġustizzja, kif ukoll li l-ġustizzja tidher li qed issir.

Filwaqt li, bħala l-Kap tal-Istat, tenna li mhux sew li Malta kollha tidher kerha waqt dak li qed iseħħ, hu għalaq billi esprima t-tama li l-enerġija għandha tintuża’ ħalli flimkien jissolvew dawn il-problemi u naraw li nġibu l-għaqda.

Qal li bħalma ngħidu fl-Innu Nazzjonali, għandna nitolbu lil Alla biex iseddaq l-għaqda fost il-Maltin u jibgħat is-sliem li tant għandu bżonn pajjiżna.

Iċ-ċerimonji ta’ Jum ir-Repubblika bdew bil-parata mis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, li għaddew minn nofs protesta tas-Soċjetà Ċivili fi Triq ir-Repubblika. Mal-wasla tagħhom fi Pjazza San Ġorġ, is-suldati kienu spezzjonati mill-President ta’ Malta.

U wara d-diskors tiegħu fil-Palazz, il-President ta’ Malta ta ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu lill-eks Kummissarju Ewropew Karmenu Vella, lill-Professur Ray Mangion, lil Tony Zahra, lill-Professur Jovan Kurbalija u lill-Professur Joseph Buttigeg, bl-aħħar tnejn fuq bażi Onorarja u tal-aħħar wara mewtu.

Ingħatat ukoll il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika lil Anthony Bezzina, lil Dun Ġanmarì Cauchi, lil Joe Grech, lil Alfred C. Sant, lill-Atleti tal-iSpecial Olympics Malta, lil Lorrane Vella Zahra u lil John Zammit, kif ukoll lil Lino Grech wara mewtu.

Din il-Midalja ngħatat ukoll fuq bażi Onorarja lil Jose-Maria Ballester Fernandez Fontes u lil Nathalie Muschamp.