Internazzjonali

New Zealand: Jinstabu aktar vittmi mill-iżbroff tal-vulkan

Il-Pulizija ta’ New Zealand bagħtu numru ta’ bugħaddasa biex ifittxu għal żewġ katavri qrib il-vulkan ta’ White Island. Dan wara li kienu rkuprati l-katavri ta’ sitt vittmi oħra ta’ dan il-vulkan li kien żbroffa bil-kbir fil-bidu tal-ġimgħa.

L-iżbroff seħħ meta, fuq il-gżira, kien hemm 47 persuna – inklużi turisti. Fis-sigħat ta’ wara ħarġu r-rapporti dwar tmien persuni nieqsa u bl-awtoritajiet itennu mal-ewwel il-probabbiltà li dawn kienu tilfu ħajjithom. Qabel is-sejba tal-aħħar sitt katavri, l-awtoritajiet kienu kkonfermaw tmien mejtin fl-iżbroff tat-Tnejn u meta 20 oħra għadhom qed jinżammu l-isptar taħt kura intensiva.

L-irkuprar tal-aħħar sitt katavri minn White Island seħħet fost periklu enormi minħabba l-potenzjal ta’ żbroff ġdid mill-vulkan. Jidher li l-awtoritajiet kellhom idea tajba tal-lokalità fejn kellhom ifittxu, b’tim ta’ speċjalisti mad-Defence Force ta’ New Zealand jaslu b’ħelikopter fuq il-gżira, bl-irkuprar tal-katavari jdum għaddej erba’ sigħat.

Il-katavri mbagħad, ittieħdu għal fuq patrol boat tal-qawwiet tal-baħar li wassalhom lura fi New Zealand fejn iridu jgħaddu minn proċess ta’ identifikazzjoni. Intant, il-pulizija qalu li t-tfittxija ‘għaż-żewġ persuni l-oħra li għadhom nieqsa’ fil-gżira u l-madwar għandha tkompli għada filgħodu. Dan meta l-bugħaddasa qegħdin jippruvaw jirkupraw wieħed mill-katavri li kien spiċċa fil-baħar waqt l-iżbroff.

Sadattant, il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern, insistiet – waqt li kienet qed twieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti – li ‘se jsiru żgur il-mistoqsijiet dwar ir-raġunijiet għalfejn in-nies tħallew jinżlu fuq gżira fejn kien hemm vulkan attiv’.