Lokali

“Irridu nagħtu lura l-ġieħ li jixraq lil pajjiżna” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jekk xi ħadd qed iħossu tradut f’dan il-mument hu l-poplu Malti u Għawdxi

“Il-Partit Nazzjonalista studja l-kriżi li qed jaffaċċja pajjiżna u ġie b’soluzzjonijiet u bi proposti biex indawru paġna ġdida, biex nerġgħu nsiru pajjiż normali. Se nbidlu lill-pajjiżna biex nagħtuh lura l-ġieh li jixraqlu.”

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fid-diskors tal-għeluq tal-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-PN bit-tema Riforma u Tiġdid fejn matulu ġie ppreżentat id-dokument bi proposti għal governanza tajba għal demokrazija b’saħħitha.

Adrian Delia qal li dawn il-15-il proposta tad-dokument Riforma u Tiġdid huma msejsa fuq ħsibijiet li l-Kunsill Ġenerali kien approva fl-2016 taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil, izjed b’intervent iktar fil-fond għax id-diffikultajiet quddiemna llum huma iżjed fondi.

Il-Kap tal-PN qal li dawn huma bidliet li jekk iseħħu, se jibdlu b’mod radikali l-mod ta’ kif issir il-politika f’pajjiżna. Dawn il-15-il proposta se jassiguraw li f’pajjiżna jkun hawn tassew separazzjoni tal-poter u fejn ħadd ma jħossu ‘l fuq mil-liġi.

Adrian Delia qal li f’pajjiż normali, tmur pulizija u tafdah li se jaghmel dmiru sew, minghajr biża’ jew favur,  jkollok politiċi li jkunu ‘il fuq minn kull suspett ta’ korruzzjoni, istituzzjonijiet bħall-Avukat Generali u oħrajn li jaqdu dmirijiethom. Iffiser li l-politiċi ma jkunux ħaġa waħda mall-kriminali, fejn ħadd ma jinqatel għax ma jaqbilx mal-Gvern, u fejn il-Pulizija tinvestiga bir-reqqa assassinju politiku bla frame-ups jew cover-ups.

Huwa qal li sfortunatament hekk kienet is-sitwazzjoni qabel l-1987 u sfortunatament hekk reġgħet is-sitwazzjoni llum, u issa għandna l-Uffiċċju tal-Prim Ministru implikat fl-agħar atti kriminali, b’Minsitru li jitlob protezzjoni tal-Parlament għax qed jiġi nvolut f’cover up mill-gvern tiegħu stess. 

Adrian Delia qal li l-pass li se nieħdu huwa li jew pajjiżna jitkisser darba għal dejjem jew inkella pass sabiex nibdew insewwu l-ħsara kbira li saret. Huwa qal li hemm sensiela ta’ passi li rridu nieħdu flimkien bħala pajjiż, fejn irridu naraw li ssir ġuztizzja ma kull min kellu x’jaqsam fil-korruzzjoni u l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“Aħna se nibqgħu ninsistu li l-ġustizzja ssir. Irridu naraw li kull kuntratt li għamel Konrad Mizzi jiġi investigat bir-reqqa, b’Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jiġu investigati għar-reati kollha li saru investigazzjonijiet fuqhom mill-FIAU”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tagħti sehemha, u hekk kif faqqgħet il-kriżi hu mar darbtejn għand il-President b’pariri legali jitolbu jintervjeni biex ma ssirx aktar ħsara lill-pajjiżna u lill-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin. L-Oppożizzjoni ltaqgħet ukoll mal-imsieħba soċjali u tlabinhom isemmgħu leħinhom fuq dak li huwa ghaddej.

L-Oppożizzjoni tkellmet fil-Parlament u barra, biex Joseph Muscat jitlaq immedjatament, u meta baqa’ jwebbes rasu, ħarġet mill-Parlament u qed tqis lill-Prim Ministru bħala wieħed illeġittimu. 

Adrian Delia qal li m’għandu l-ebda illużjoni li l-Prim Ministru u l-Kabinett il-ġodda se juru ħeġġa biex jirranġaw is-sitwazzjoni, għaliex huma l-istess nies li għal snin sħaħ iddefendew l-indifensibbli, għalqu għajnejhom u wrew fiduċja f’persuni li issa qed jgħidu li ttradewhom.

Adrian Delia qal li l-PN qiegħed jerġa’ jwitti t-triq għall-bidla, għax qiegħed hawn biex iservi lill-poplu u fl-aqwa interess ta’ uliedna u ta’ pajjiżna.